Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia kompla jgħaddi l-botti lil kandidat l-ieħor li qed itellaq miegħu għat-tmexxija tal-partit.
Meta mar il-Belt idur bejn il-Qorti, il-Ministeri u Kastilja, Delia saħaq li hu m’għandux dellijiet fuq il-ħlas tat-taxxa.
Delia stqarr: “M’hemmx dellijiet simili. M’hemm ebda dell fuqi. Fuq tat-taxxa tajt l-opportunità lil kulħadd isaqsi bl-iktar mod trankwill, bid-dokumenti quddiemi.”
F’botta xejn kumplimentuża lejn Bernard Grech, Delia qal li hu qatt ma kellu kwistjonijiet t’evażjoni tat-taxxa.
Delia sostna: “Qatt ma kelli issues ta’ evażjoni ta’ taxxa. Qatt ma kelli issues illi t-taxxa tiegħi ma ddikjarajtihex kollha.”
Meta staqsejna lill-Kap Nazzjonalista dwar id-deputati li sfiduċjawh li ilha togħkorhom għajnhom minħabba numru t’allegazzjonijiet fuqu, Delia qal hekk.
Delia tenna: “Stiedint lil kulħadd, mhux lid-deputati biss illi jmorru quddiem il-bord tad-due diligence, ma marrux.”
Fl-isfond li deputati Nazzjonalisti bħal David Thake semmew allegazzjonijiet li Delia ħa flus m’għand Yorgen Fenech biex tiġi mminata l-kampanja elettorali ta’ David Casa, Delia saħaq li hemm passi għal min jagħmel akkużi foloz.
Delia sostna: “Min jagħmel akkużi foloz hemm il-passi kollha tal-konsegwenza ta’ dak l-aġir illegali għax illi tinpunta illegalità kontra xi ħadd hija illegalità fiha nnifisha.”
Intant b’rabta mal-fatt li Delia mar idur il-Belt, il-Partit Laburista qal li jifhem li Adrian Delia qed jikkampanja biex iżomm postu bħala Kap tal-Oppożizzjoni iżda kemm hu kif ukoll il-kontestant tal-establishment iridu jifhmu li dan il-Gvern ma jitmexxiex bi stunts politiċi.
Fi stqarrija l-Partit Laburista saħaq li kien ikun aħjar li kieku Delia u Grech ingħaqdu f’din id-dawra qasira u marru sad-Dipartiment tat-Taxxa u l-VAT.
Il-Partit Laburista temm jgħid li l-Gvern Laburista huwa kommess li jibqa’ jieħu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn, iebsa kemm huma iebsa fl-interess tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.