Ostaġġ tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia tkellem dwar il-gidba Egrant li saret fil-konfront tal-Prim Ministru Joseph Muscat u familtu.
Quddiem il-partitarji Nazzjonalisti fid-Dar Ċentrali, Adrian Delia li f’Mejju li għadda tilef kawża kostituzzjonali li fiha l-qorti ċaħdet it-talbiet kollha tiegħu biex jiġi ppubblikat b’mod sħiħ ir-rapport tal-inkjesta, qal li jrid ir-rapport kollu.
Dan anki jekk jaf li l-Prim Minsitru jinsab lest li jippubblika r-rapport sħiħ la darba jintemmu l-investigazzjonijiet biex jinqabad min wettaq l-att kodard ta’ falsifikazzjoni ta’ dokumenti.
Minkejja li jiem wara l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-inkjesta, Delia kien għamila ċara li l-kontenut tal-inkjesta ma jbiddel xejn mill-konklużjonijiet li kienu ppubblikati, issa Delia ħareġ jgħid li l-inkjesta għad trid toħroġ il-verità.
Delia qal dan propju meta mistqosi kif se jagħmel biex iġib lin-Nazzjonalisti tal-fazzjoni Busuttil li ma jridux jafu bih.
Meta ġew ippublikkati l-konklużjonijiet tal-inkjesta, Delia fuq il-programm Iswed fuq l-abjad, is-sena li għaddiet qal li huwa ċar li saret gidba.
Iżda issa Delia li ma jinżel tajjeb xejn ma’ nies li kienu magħrufin mal-partit nazzjonalista bħal occupy justice, biddel id-diska u qed jipprova jitfa’ dubju fuq il-konklużjonijiet tal-inkjesta.
Meta ħarġet l-inkjesta Delia ried jissospendi lil Simon Busuttil mill-partit, iżda dlonk kellu jċedi l-armi wara li sab min jopponih.
Waqt li nfexx jgħajjat li l-Partit Nazzjonalista mhux Adrian Delia, huwa temm jgħid li l-partitarji quddiemu li hu mhux Joseph Muscat.