Fuq il-profil tiegħu fuq facebook, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li m’hemmx post għal nies li jwasslu għal sondaġġi bħal dak ippubblikat il-Ħadd mill-Maltatoday.
Delia kien qed jirreaġixxi għas-sondaġġ li juri li kemm hu bħala Kap Nazzjonalista u anki Therese Comodini Cachia, li qed taspira li tieħodlu postu bħala Kap tal-Oppożizzjoni, ma jgawdux fiduċja b’saħħitha u kważi jinsabu ras imb ras f’dik li hija fiduċja mal-elettorat.
Bi kliem ċar qal li wasal il-mument għad-deċiżjonijiet u li se jaġixxi fil-ġranet li ġejjin.
Dan b’referenza ċara għal dawk li sfiduċjawh kemm fil-grupp parlamentari, kemm quddiem il-President tar-Repubblika u anki fl-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt nhar il-Ħamis li ġej, Delia se jkun qed ilaqqa’ mill-ġdid l-eżekuttiv u fl-aġenda hemm is-suġġett t’azzjoni konkreta.
Filwaqt li semma’ l-konfoffi li wettqu d-deputati tiegħu, qal li forsi hemm min jgħidlu li missu aġixxa mal-ewwel.
Qal li fil-PN hemm min jinteressah biss li jagħmel il-ħsara jekk ma jikkmandax hu.
Lill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, dik li issa tinsab wara Comodini Cachia biex tiġbidlu t-tapit minn taħt saqajh, Delia qal li hemm min ħidmietu intiża biex twassal għal dawn it-tip ta’ sondaġġi li rajna llum.
Dan il-ħsieb kompla jisħaq fuqu f’intervista fuq l-istazzjon tar-radju tiegħu iktar tard il-Ħadd filgħodu.
Delia qal, “Litteralment insawtu lil xulxin internament, meta m’għandniex għalfejn, meta m’hemm l-ebda raġuni u imbgħad niskantaw li s-surveys ma jkunux jiffavuruk.”
B’botta ċara lejn dawk li sfiduċjawh huwa saħaq li hemm min fil-Partit Nazzjonalista jara lin-nies dubbien.
Delia kompla jgħid, “Hemm min jippreferi li jkunu il-ftit li jiddeċiedu dejjem huma u n-nies jarahom żgħar, jarahom dubbien, jarahom mingħajr leħen.”
Fuq Facebook huwa temm il-messaġġ billi qal li se jitilfu dawk li jmorru kontra l-arma tal-partit, saħaq li se jkun hemm min jattakka, jivvinta u jħammeġ il-fazzjoni tiegħu. Iżda għal darba oħra fl-intervista fuq ir-radju stqarr li hemm min fil-Partit Nazzjonalista li ser ikollu jwarrab.
“Irid ikun hemm min jagħmel l-ispazju, jwarrab.” Sostna Delia.