Waqt programm fuq l-istazzjon SMASH, it-Tnejn filgħaxija l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia fetaħ in-nar kontra l-establishment u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.
F’diskors mill-aktar konfrontattiv, Delia qal hemm min irid ikeċċih mill-partit.
Qal kif, “Hemm min irid ikeċċini mill-Partit Nazzjonalista, iva. Hemm min anke wara li tlaqt minn Kap għadu jaħdem bla heda, kważi qisha l-passjoni ta’ ħajtu li lili jagħmilli l-ħsara, iva.”
F’botta diretta lil Bernard Grech, Delia qal li hu ma jaġevola lil ħadd li jipprova jiġbidlu l-ispag.
Qal, “Mhux li jien nakkomoda u naġevola ‘l min jipprova b’xi mod ieħor jew ieħor jiġbed l-ispag.”
Delia qal li huwa ċar daqs il-kristall li hemm min qed jiddetta lil Bernard Grech fil-Partit Nazzjonalista.
Qal kif, “Ċertament huwa evidenti u min ma jridx jara, jew għax ma jridx jew għax għami illi hemm pressjonijiet illi qed isiru fuqu min Manuel Delia u min oħrajn, li huwa ċar li meta jikteb wieħed, imbagħad jibdew jiktbu oħrajn, wieħed wara l-ieħor.”
Dwar din is-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalisata, fejn l-establishment reġa’ beda jiddetta, qal li dan mhux ta’ ġid għall-partit.
Sostna, “Imma l-id illi kien hemm qabel, il-ħakma ta’ dawk il-ftit li kien hemm qabel illi reġgħet sabet ir-risorgiment tagħha, ma naħsibx li hija ta’ ġid għal Partit Nazzjonalista”
Imbagħad Delia mill-ġdid reġa’ fetħilha kontra Jason Azzopardi.
Adrian Delia tkellem ukoll dwar l-attakki indirizzati lejh minn esponenti Nazzjonalisti dwar id-donazzjoni ta’ nofs miljun ewro li ppreżenta lid-Dar tal-Providenza.
Qal kif, “Kont naħseb qas ħriġt mill-istudio kien hemm min prova, iħammeġ, jawwar, inawwar u he shades this gesture in grey or black.”
Delia ma naqasx li jitkellem dwar il-block vote u mminar ta’ Nazzjonalisti mill-fazzjoni tiegħu.
Waqt il-programm ċempel ukoll telespettatur fejn qabbel l-intriċċi fil-Partit Nazzjonalista man-Nażisti.
Waqt il-programm, Adrian Delia qal kif il-Partit Nazzjonalista huwa mifni fil-mibegħda.
L-eks Kap Nazzjonalista qal ukoll kif dak li sar lilu kien ta’ tradiment u anti-demokratiku.
Fil-programm Delia imbagħad bagħat messaġġ ċar lit-tmexxija Nazzjonalista.