Il-Kap tal-oppożizzjoni Adrian Delia kompla jagħmel tiegħu l-frame up li sar fuq il-Prim Ministru, u qal lill-eks kap nazzjonalista Simon Busuttil ma gidibx dwar il-każ Egrant.
Meta kien qiegħed jitkellem dwar l-inkjesta Egrant, Adrian Delia qal li kien il-Prim Ministru li gideb.
Dan meta l-inkesta Egrant ikkonkludiet li saret l-ikbar gidba fl-istorja politika ta’ pajjiżna fil-konfront tal-Prim Ministru u familtu permezz ta’ dokumenti li ġew ikkonfermati li kienu foloz.
Adrian Delia qal, “Simon Busuttil ma gidibx, inti gdibt.”
Delia qal dan wara li f’lulju tas-sena l-oħra talab għas-sospensjoni ta’ Simon Busuttil mill-Partit Nazzjonalista u qaċċtu minn kelliem tal-governanza t-tajba. Dan għax fi kliemu kellu jerfa r-responsabbiltà politika tal-gidba Egrant wara li kien rikeb fuqha.
Meta indirizza l-partitarji nazzjonalisti fl-Isla, Adrian Delia li jinsab fil-mira tal-fazzjoni Busuttil minkejja li qed jagħmel kulma jista biex jintgħogob magħha, qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandux bżonn bidla.
“M’għandniex bżonn bidla issa.” Qal Delia.
Adrian Delia iddefena wkoll lid-deputati nazzjonalisti u qal li ħadd mid-deputati nazzjonalisti m’huwa maħmuġ.
“Ħadd minn sħabi m’huwa maħmuġ.” Infexx jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Fil-grupp parlamentari hemm id-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi li fil-konfront tiegħu hemm diversi rapporti tal-awditur ġenerali fosthom l-iskandlu tal-art tal-Lowenbrau u l-art tal-Fekruna.
Hemm ukoll Kristy Debono u Hermann Schiavone li ltaqgħu man-negozjant Yorgen Fenech li qed jiġi akkużat bħala s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fuq kollox Adrian Delia nnifsu għandu allegazzjoni gravi li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni. Liem allegazzjoni li saret minn Daphne Caruana Galizia u li baqa’ sal-lum jirrifjuta li jitlob investigazzjoni dwarhom.