L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia f’intervista reġa’ kixef kif minkejja d-diskors tal-għaqda tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, il-qasma fil-Partit Nazzjonalista għadha waħda ħajja u fonda.
Dan deher biċ-ċar f’intervista mas-sit Malta Daily fejn Adrian Delia fakkar fl-intenzjonijiet ħżiena wara dak li sejjaħ gideb fil-konfront tiegħu biex jitneħħa minn Kap u floku jitpoġġa Bernard Grech.
Huwa stqarr, “Kien hemm min u din hija l-kattiverja, l-intenzjoni ħażina.”
Delia tenna li faċli jitwaddab it-tajn minn min huwa fil-fatt miksi bih.
“L-eks Kap Nazzjonalista qal, “Taf kemm hu faċli biex titfa’ l-allegazzjonijiet? Taf kemm hu faċli biex titfa’ t-tajn anke meta inti tkun miksi tajn.”
Fl-intervista Delia kompla jistaqsi għaliex saru dawn l-attakki fuqu li wasslu biex tneħħa minn Kap.
Huwa staqsa, “Għalfejn tipprova ttebbani jew tħammiġni jew iżżebblaħni b’affarijiet li jiena ma għamiltx, għalfejn, għalfejn?”
Delia tkellem ukoll dwar id-diżappunt tiegħu li l-fiduċja li kien ingħata biex iservi bħala Kap Nazzjonalista nqatgħet ħesrem qabel iż-żmien.
Hawnhekk stqarr, “F’dik ix-xi ħaġa li inti mingħalik ħa int għandek 4 snin u nofs biex tagħmilha, half-way through tneħħietlek il-brief, il-fiduċja li tagħmilha. Mela rather milli weġgħa d-diżappunt li jiena kelli ħolma with a passion, jien emmint li nista’ nbiddel il-politika Maltija.”
L-eks Kap tenna li llum in-nies indunaw b’dak li ġara.
Qal, “Li tibqa’ tivvinta u tigdeb u tipprova tħammeġ lil xi ħadd meta ma jkun hemm xejn naħseb hija kattiverja jew ħażen imma naħseb illum in-nies qed jindunaw u n-nies nemmen li għandhom what I call emotional intelligence.”