Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, il-Ġimgħa waranofsinhar reġa’ għamel kif kien jagħmel il-Kap ta’ qablu Simon Busuttil u mar barra l-qorti.
Iżda Delia reġa’ rrifjuta li jidħol il-qorti u jitlob inkjesta dwaru sabiex inaddaf ismu minn allegazzjonijiet serji dwar ħasil ta’ flus.
Delia stqarr: “Jien ilni nidħol il-qorti u prattikajt għal 25 sena.”
Fit-tellieqa għall-Kap tal-Partit, Caruana Galizia allegat li Delia daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni. Delia sejjaħ l-allegazzjonijiet ta’ Caruana Galizia bħala fierħa.
Delia qal: “Allegazzjonijiet fierħa. Ħa nkun ċar u tkellimt diversi drabi.”
Iżda flok daħal il-qorti u talab inkjesta dwar dawn l-allegazzjonijiet, Delia skomdu quddiem il-mistoqsijiet tagħna, telaq ’l hemm.
Meta kien mistoqsi għalfejn ma jridx jitlob inkjesta Delia mar quddiem il-qorti sabiex jikkummenta dwar l-inkjesta Egrant.
B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li Adrian Delia jaf sew il-verità dwar il-gidba Egrant iżda llum intrikeb minn dawk li vvintaw il-gideb.
Qal li dan tant jafu, li meta ġew ippubblikati b’mod sħiħ il-konklużjonijiet tal-inkjesta, keċċa lil Simon Busuttil mill-grupp parlamentari tiegħu. Fakkar li dakinhar qallu li ried jerfa’ r-responsabbiltà.
Intant fi stqarrija l-Partit Laburista qal li Adrian Delia issa din il-gidba qed jagħmilha tiegħu bit-tama li jsalva postu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Saħaq li Delia mhux kredibbli għax filli jgħid mod u filli jgħid ieħor u għalhekk in-nies ma jafdawhx.