Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia reġa’ għamel u-turn oħra dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
Mistoqsi minn ONE News jaqbilx li l-programm tal-IIP jingħalaqx jew jiġix sospiż kif kien qal li għandu jsir f’Ottubru li għadda u għalhekk ikun jista’ jkompli, Delia issa qed jgħid li għandu jingħalaq.
Delia stqarr: “Aħna rridu nwaqqfu.”
Il-pożizzjoni ta’ Delia kontra dawn il-programmi ta’ investiment f’Malta tikkuntrasta bil-kbir mal-pożizzjoni tal-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb li f’intervista ma’ The Malta Independent, stqarr li l-iskema tal-IIP fissret ġid għal Malta.
Xuereb qal: “L-iskema tal-IIP ġabet ħafna ġid lill-pajjiż.”
Il-Perit Xuereb ikkummenta wkoll dwar kif id-due diligence jew aħjar il-proċess ta’ skrutinju li jsir tal-programm Malti huwa wieħed mill-aqwa fid-dinja. Huwa sostna: “Aħna nifmu, il-Kamra tal-Kummerċ tifhem, li d-due d-dilegence li jsir huwa serju ħafna. Wieħed mill-iktar serji f’ħafna pajjiżi.”
Iżda skont Adrian Delia dan mhux minnu u allega li dan il-programm qed iġib il-kriminali. Delia sostna: “Iktar qed joħorġu każi litteralment wieħed wara l-ieħor ta’ kriminali.”
Minn naħa tiegħu, il-Presdient tal-Kamra tal-Kummerċ insista li l-Kamra trid li l-programm tal-IIP jew simili jkomplu, għalkemm tenna li jixtieq sospensjoni sakemm isir xi titjib.
Għall-kuntrarju ta’ dak li ddikjara wkoll Delia, il-Perit Xuereb innota li t-titjib tal-programm kien diġà diskuss mal-Ministru Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat.
Intant wara nofsiegħa jikkundanna lil kulħadd mingħajr riservi, il-ġurnalisti staqsewh dwar il-futur politiku tiegħu: “Given all that you just mentioned you’d expect the PN to make some gain in the polls…”
Delia wieġeb: “Ma ġejtx biex nitkellem fuq expectations.”