Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-barranin qegħdin jiġu mgerrxa milli jagħmlu investimenti f’pajjiżna.
Delia stqarr: “Dawk li qed jitgerrxu minn pajjiżna. Dawk li qed jitbegħdu bl-investimenti tagħhom.”
Delia qal dan f’inqas minn 24 siegħa mindu l-aġenzija tal-kreditu internazzjonali Fitch ikkonfermat l-ogħla ratings li qatt tat lil pajjiżna ta’ A+, u li jagħmel lil pajjiżna attraenti għal investiment barrani.
F’diskors fil-każin Nazzjonalista taż-Żejtun Delia għal darb’oħra nfexx f’isteriżmu dwar il-politika tal-Gvern tal-enerġija.
Delia sostna: “Ikkrea magna biex joħdilkom minn butkom.”
Fil-fatt l-2020 hija s-7 sena b’kontijiet orħos li kull sena qed iħallu €80 miljun fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin.
Quddiem il-partitarji tiegħu Delia infexx f’attakk fuq il-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista Robert Abela, filwaqt li qal li l-Partit Laburista qed jinqasam. Delia tenna: “Partit fil-Gvern maqsum fin-nofs.”
Dan meta l-unika qasma li dehret il-Ħadd filgħodu kienet dik fil-Partit Nazzjonalista, meta l-President tal-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista Joseph Grech, figura prominenti fil-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil, naqas milli jirrikonoxxi lil Delia fid-diskors tiegħu.
Fid-diskors tiegħu huwa żied jiddikjara li se jerfa r-responsabilità. Delia kompla jgħid: “Irridu nerfgħu r-responsabilità. Mhux jien biss, tiegħi ħa nerfagħha.”
Delia ilu sentejn jirrifjuta li jitlob investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet li kienet għamlet dwaru Daphne Caruana Galizia li daħħal flus minn kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni.
Allegazzjonijiet li jpoġġu lil Delia f’dawl ikrah mal-fazzjoni Busuttil li ma tqisux kredibbli.
Min-naħa tiegħu d-Deputat Nazzjonalista Mario Demarco iddikjara li l-ekonomija qed tmajna.
De Marco qal: “L-ekonomija li kull ġurnata qiegħda tmajna.”
Dan minkejja li l-Fitch fir-rapport tagħha qalet li l-aħħar rating ta’ Malta huma dovut fost l-oħrajn għat-tisħiħ tal-ekonomija, it-tnaqqis fil-qgħad kif ukoll tisħiħ fl-istituzzjonijiet li fi kliemha huma aktar b’saħħithom minn ta’ pajjiżi oħrajn fil-kategorija A.