Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia attakka lill-Prim Ministru Robert Abela li qed iżomm pożizzjoni soda mal-Unjoni Ewropea fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
“Irresponsabbli u immatur” Qal Delia.
Fl-istess waqt li fuq ix-xandir nazzjonali għajjar immatur lil Prim Ministru, Delia ħareġ jiddefendi lill-kelliem tiegħu għall-ġustizzja Jason Azzopardi li fetaħ kwerela u akkuża lis-suldati, lill-Brigadier Jeffrey Curmi u lill-Prim Ministru Robert Abela bi qtil ta’ immigranti.
Akkuża li ġib magħha piena ta’ għomor il-ħabs.
“Jason imbarrazak?” Saqsa l-preżentatur. “Mhux kwistjoni li imbarrazani” Wieġeb il-Kap Nazzjonalista.
Delia kompla joħroġ għonqu għal Jason Azzopardi li għamel id-denunzji.
Iddefendih u qal, “Jekk xi ħadd akkużak b’xi ħaġa ma tmurx tattakka lil avukat tiegħu. X’inhu dan supernaturali? Iwettaq ix-xogħol tiegħu bħala avukat.”
Quddiem dak irrappurtat li l-evidenza mressqa mill-għaqda Repubblika stess, ġew imgiddba l-akkużi li għamel Jason Azzopardi fuq l-armata, Delia ddefenda l-aġir.
Delia qal, “Kont ċar mill-ewwel ġurnata li kwalunkwe NGO, mhux din l-NGO biss, hija fil-liberta li tagħmel li trid.”
Il-ġimgħa l-oħra komplew joħorġu aktar inkonsistenzi mill-Kap Nazzjonalista li l-ewwel qal li l-immigranti f’nofs ta’ baħar għandhom jiġu salvati u jinżammu fuq vapur barra minn pajjiżna imbagħad ikkundanna d-deċiżjoni tal-Gvern li jsalva l-immigranti u jitrasferixxihom fuq bastiment ‘il barra mill-kosta Maltija.