Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ammetta li żbalja meta f’Awwissu tal-2018 mar lura minn kelmtu u ma keċċiex lill-eks Kap Simon Busuttil mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Dakinhar l-ewwel kien talab lil Simon Busuttil jerfa’ r-responsabilità politika fuq il-gidba Egrant iżda imbagħad biddel fehmetu.
Adrian Delia qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon Favourite Channel hekk kif telefonati minn esponenti Nazzjonalisti kixfu r-rabja li għandhom għall-fazzjoni Busuttil.
“In hindsight ma kienetx deċiżjoni li għamlet ġid lill-Partit Nazzjonalista. Jiena d-direzzjoni li ridt nagħti kienet differenti. Le le fejn niżbalja nirrikonoxxi. Ma naħsibx li dik kienet deċiżjoni għaqlija u allura m’għandix problema li ngħida.” Qal Delia.
Sentejn ilu id-deċiżjoni inizzjali ta’ tkeċċija ta’ Simon Busuttil kienet sabet oppożizzjoni qawwija mid-deputati leali lejn il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Dakinhar kienu kitbu #notinmyname.
Intant f’intervista ta’ siegħa, kompliet tidher ir-rabja minn esponenti Nazzjonalisti għas-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista.
Dawn qalu hekk lil Delia.
“Min ma jogħġbux jitlaq.” Qalet waħda mis-segwaċi filwaqt li persuna oħra qalet, “Dawk huma n-nies li tellfuna, li kienu jsawtuna, li kienu snob. Inti qiegħed hemm għal 5 snin mhux għal 3 snin. Dawn qed jagħmlu l-bsaten fir-roti għax huma bad losers.”
Delia kompla ma’ dak li sostnew it-telespettaturi li tkellmu favurih.
Delia qal, “Hemm ir-rabja Karl. Hemm ir-rabja u hemm il-weġgħa. Għalfejn inti tweġġa’ lil tiegħek stess?”
Uħud mis-segwaċi tkellmu fuq l-arroganza ta’ wħud fil-Partit Nazzjonalista.
Telespettatur minnhom qal, “Ħa ngħidlek x’kienu jagħmlu dawn. Iħarsu l-hemm, lanqas ituk wiċċ, taparsi ma rawkx, jistmawk arroganti, jistmawk bħaż-żibel.”
Persuna oħra qalet, “Li ġara kollu t-tort ta’ Dr.Delia għax ma ħax l-azzjonijiet mal-ewwel u kien iqaċċtilhom rashom mal-ewwel. Ħanżir taqtalu denbu ħanżir jibqa’ ma jinbidilx.”
Saħansitra kien hemm min qal li Delia qed jaħdem għalxejn.
“Kemm qed jaħdem għalxejn dan ir-raġel. Inutli l-enerġija li qed jaħli.” Qalet waħda mis-segwaċi.