“Jien hawn se nibqa’, mhux se nibża’ u m’hu se niġi intimidat minn ħadd”, qal il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia f’diskors konfrontattiv u iebes dirett lejn il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Hekk bdiet il-votazzjoni, Delia mal-ewwel ta sinjal ċar li se jagħmel ta’ rasu.
Għalkemm bilkemm laħqet bdiet il-votazzjoni, aħseb u ara għalqet u ħareġ il-verdett, Delia huwa determinat li jibqa’ kap.
Huwa tkellem eżatt wara Ivan Bartolo, li ntuża mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil biex ittajjarlu rasu.
Saħaq li tant huwa lest li jibqa’ fit-tmun tal-partit maħnuq fi kriżi li minn għada se jipprepara proċess biex l-Partit Nazzjonalista jinfetaħ.
Huwa fetaħ id-diskors b’għajjat ħanġra daqsiex jirringrazzja lin-Nazzjonalisti, dan fost l-għajjat Delia, Delia.
Delia qal li huwa twieled u kiber fil-Partit Nazzjonalista.
“Dejjem ħdimt għall-Partit Nazzjonalista u se nibqa’ nagħti l-enerġija li tani Alla sal-aħħar ta’ ħajti”, qal Delia.
Qal li huwa jemmen fid-demokrazija bil-fatti, mhux tal-ftit li jridu jikkontrollaw kollox fil-partit.
F’botti iebsin lil fazzjoni ta’ Simon Busuttil qal li hawn min għandu l-interess li jifred, iweġġa’ u jkisser lil partit.
Saħaq li dawn daħlu l-mibgħeda fil-partit li jmexxi hu.
Huwa appella lil kunsilliera sabiex jivvutaw iva biex hu jibqa’ Kap.
B’referenza għall-aħħar attakki mill-fazzjoni Busuttil permezz tal-blogger Manuel Delia, Delia spjega li huwa mhux se jibża’ mill-attakki ta’ min nesa li huwa ġie elett mit-tesserati.
“Hawn min irid iġib l-Partit Nazzjonalista f’estremità li ma tirriflettiex min aħna”, qal b’dadigħa fuqu, Adrian Delia fil-konfront tal-fazzjoni Busuttil.