Bil-pressjoni tikber fuq il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech biex jeħles minn Adrian Delia, dan tal-aħħar mar fuq stazzjon privat u saħaq li hu huwa kandidat konfermat f’isem il-Partit Nazzjonalista fuq it-tmien distrett.
Id-dikjarazzjoni ta’ Delia, li qal li se joħroġ għall-elezzjoni fuq it-tmien distrett hija sinjifikattiva l-aktar għaliex fuq dan id-distrett dejjem iddominat il-familja Fenech Adami.
Sorsi fid-Dar Ċentrali, li issa reġgħet hi maħkuma mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil qalu li Delia se jgħarralu.
“It-tmien distrett ta’ Fenech Adami, ta’ Beppe llum il-ġurnata u ma jmissulu ħadd”, sostna wieħed mill-fazzjoni Busuttil.
Beppe Fenech Adami wera li se jibda jieħu r-ruħ fuq id-distrett li fih hemm Birkirkara, wara li Delia tneħħa minn Kap.
Fil-fatt Beppe Fenech Adami qatt ma ħa gost bil-preżenza ta’ Delia li jarah bħala theddida għat-teħid tal-voti tal-kostitwenti tiegħu.
F’botta diretta lejn Beppe Fenech Adami, meta ftit tal-jiem ilu, Bernard Grech indirizza attività politika f’Birkirkara, filwaqt li Beppe Fenech Adami mbotta lilu nnifsu kemm seta’, Delia ħa n-nies miegħu u spiċċa ħa ritratt f’dik deskritta minn bosta bħala ‘show of force’.
Delia, li ma riedx ikun parti mix-Shadow Cabinet ta’ Bernard Grech, qed jisħaq ukoll li jista’ jkun joħroġ fuq distrett ieħor.
Din il-ġimgħa Delia anki wieġeb lil Beppe Fenech Adami għal mod kif ġew trattati l-kandidati Nazzjonalisti li rtiraw mill-elezzjoni tal-Kumitat Sezzjonali ta’ tas-Sliema wara li qalu li ħassewhom imminati minn Nazzjonalisti stess.
Iżda għal block vote f’tas-Sliema, Beppe Fenech Adami qal li dawk li rtiraw, issa affari tagħhom.
Intant Delia wieġeb lil tal-establishment li qed imexxu lil Bernard Grech u jiddetawlu x’għandu jagħmel.