Fi stqarrija Steward Health Care Malta rrimarkat li fil-kawża li fetaħ Adrian Delia naqas milli jsemmi proġetti ewlenin li saru minn Steward fosthom l-iskola medika ta’ Barts fl-isptar ġenerali t’Għawdex.
Hawnhekk din l-iskola għandha wkoll ċentru ta’ anatomija anċillari.
F’Għawdex ukoll sar rinovar u titjib fid-dipartiment tal-Emerġenza u Outpatients fost oħrajn.
Hawnhekk fil-fatt saret klinika dentali ġdida.
Steward Health Care qalet li f’rapport tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni tħallew barra wkoll xogħlijiet fl-isptar Karin Grech u San Luqa, fosthom rinovar f’taqsima tal-puplessija u investiment fil-faċilitajiet tat-trasport tal-isptarijiet permezz ta’ flotta ġdida ta’ vetturi inkluż vetturi għat-trasport tal-pazjenti.
Steward Health Care qalet li anki żiedet is-sodod fl-isptar ġenerali t’Għawdex għall-pazjenti morda bil-Covid-19.
Qalet li magħhom dawn is-sodod miżjuda, mija u għoxrin b’kollox, hemm il-ventilaturi.
Il-kumpanija fis-settur tas-saħħa saħqet li Delia rrefera għall-proġetti kbar bħala żgħar li iżda fil-fatt huma importanti fl-operat ta’ sptar.