Hija ħasra li Adrian Delia baqa’ ma jridx jifhem li r-rapport ta’ inkjesta Egrant m’għandux ikun suġġett għall-partiġjaniżmu politiku. Peró jekk Adrian Delia jrid jitkellem dwar żvantaġġ politiku ta’ min jinnota li l-uniku żbilanċ politiku huwa fil-konfront tal-Prim Ministru u familtu għaliex kienu huma l-vittmi ta’ frame up li sa issa għad mhux magħruf min organizzah u kif ġraw eżatt il-fatti. Qal dan il-Partit Laburista fi stqarrija.
Kif saħansitra qal Adrian Delia nnifsu l-konklużjonijiet huma ċari kristall u huwa ovvju li l-kumplament tar-rapport jinkludi materjal li wassal għal dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, Delia aħjar joħodha ma min suppost refa’ r-responsabbiltà wara dawn il-konklużjonijiet minflok mal-Avukat Ġenerali. Fuq kollox il-Prim Ministru diġa’ ddikjara iktar minn darba li hu wkoll irid li l-inkjesta tkun waħda pubblika.