Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, ma jistax jibqa’ jaħrab ir-realtà. Fi programm fuq ir-Radju iktar kmieni llum ikkonferma li l-mozzjoni tad-deputat Chris Said tressqet bil-moħbi tiegħu.
L-uniku ħaġa ġdida li qed jitlob Said hu li jiġi investigat il-Kap tal-Oppożizzjoni. B’ħafna tidwir tal-kliem, Adrian Delia qed jipprova jargumenta li hu ma jistax jiġi investigat bil-mozzjoni ta’ Said.Huwa qed jgħid li l-kariga Kostituzzjonali ta’ Kap tal-Oppożizzjoni ma tgħamlux uffiċjal pubbliku.
Minflok jinħeba wara ħafna diskors kien ikun aħjar li Adrian Delia ddikjara li mhux se jistenna l-mozzjoni u jkun hu li jmur biex jiftaħ inkjesta dwar akkużi fil-konfront tiegħu li fl-istess programm ikkonferma bhala “estremi”, fosthom assoċjazzjoni ta’ ħasil ta’ flus minn droga u prostituzzjoni.
Bil-fatt li għaġġel biex jirtira l-libelli Delia naqqas iċ-ċans li toħroġ il-verità jekk ma jsejjaħx inkjesta dwar nnifsu.
Illum Delia għandu jifhem li m’għadux fl-awla tal-qorti. Illum qiegħed fil-politika u l-poplu għandu jkun jaf il-verità dwaru.