Is-sentenza f’kawża ta’ libell mid-deputat Toni Bezzina kontra l-Prim Ministru, Joseph Muscat, tpoġġi piż kbir fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia. Qal dan il-Partit Laburista fi stqarrija.
Il-Pl spjega kif dalgħodu l-Qorti ikkonfermat li Toni Bezzina abbuża mill-kariga pubblika tiegħu meta bagħat ħaddiema tal-gvern jagħmlu xogħol fuq każin tal-Partit Nazzjonalista taż-Żurrieq.
Iżda, iktar minn hekk innotat kif eventwalment il-ħaddiema ffirmaw dikjarazzjoni falza għax kienu mgħiegħla. Naturalment, dan għax Toni Bezzina ried jgħatti xturu ladarba kixfitu l-gazzetta KullĦadd.
Spjega kif l-aġir ta’ Toni Bezzina issa ilu magħruf għax din mhux l-ewwel kawża ta’ libell li tilef b’rabta ma’ dan il-każ skandaluż.
Iżda, issa wieħed irid ikun jaf x’se jagħmel il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia bid-deputat tiegħu li llum kien ikkonfermat li abbuża minn kariga pubblika.
L-istqarrija temmet tgħid li jekk tassew jemmen f’mod ġdid għandu jieħu passi b’mod immedjat. Il-bqija tkun konferma oħra li bħal ta’ qablu jparla favur is-sewwa u jaġixxi favur il-ħażin.