Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia għadu ma lissinx kelma waħda fuq l-aġir tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.
Filmat esklussiv, li xxandar waqt il-programm Pjazza, wera kif Karol Aquilina prova jfixkel skorta ta’ delegazzjoni ta’ Ministru Barrani li kien f’pajjiżna. Filwaqt li l-karozzi l-oħra warbu u segwew l-ordnijiet tal-pulizija, waqt li kien qed isuq fi triq li tagħti lejn il-Belt, Aquilina mhux biss daħal f’nofs il-karozzi tad-delegazzjoni, imma saħansitra dak li llum huwa il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-governanza saq meta id-dwal tat-traffiku kienu juru l-aħmar u ma tax ċans lin-nies jaqsmu.
F’manuvra aktar perikoluża Karol Aquilina kważi waqqa’ l-pulizija li kien fuq il-mutur, b’periklu ċar għal ħajtu.
Żewġ pulizija tal-muturi tat-traffiku, dehru wkoll jkellmu lil Karol Aquilina, iżda hu deher ma jagħtix kashom u jeħdodha kontra tagħhom, tant li ħareġ ixxejjer idu u jieħu tiegħu minn fuq.
Karol Aquilina mhux l-ewwel darba li ma tax kas ħidmet il-pulizija. Fil-fatt huwa kien imur barra il-kwartieri ġenerali tal-pulizija jgħajjar lill-membri tal-korp.
Karol Aquilina jifforma parti mill-grupp Repubblika, organizzazzjoni magħmula mill-esponenti tal-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
L-għaqda Repubblika, permezz tal-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja Jason Azzopardi fetħet kwerela kontra l-armata. Fid-denunzja li ressaq, Jason Azzopardi akkuża lis-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, lill-Brigadier Jeffrey Curmi u l-Prim Ministru Robert Abela. Huwa akkużawhom bi qtil tal-immigranti.