Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia baqagħlu pendenti aktar milli diġà ħallas.
Żvelat dan il-gazzetta KullĦadd, li rraportat kif għalkemm Delia qed jipprova jagħti l-impressjoni li kien solva l-kwistjonijiet kollha li kellu mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni, l-istess Delia għad baqagħlu jħallas aktar minn kemm diġà ta, bl-ammont pendenti jlaħħaq il-€65,000.
Biex it-€80,000 li kienu magħrufa oriġinarjament, fil-verità se jkunu jlaħħqu l-€120,000.
Interessanti kif wara li l-Ħadd Adrian Delia qal li l-kwistjoni magħluqa, it-Tnejn prova jħalli tieqa mbexxqa. Mistoqsi dwar il-kwistjoni fil-programm Realtà Adrian Delia qal: “Jien ħallast id-disputa, tas-snin ta’ wara kienu mħallsin, issa baqa’ l-aħħar sena finanzjarja tas-16 għax skont hux il-year of assessment jew il-year basis whatever it is. Dik titħallas ukoll.”
Sal-lum Delia għadu ma tax rendikont ċar u dettaljat ta’ kif ġab il-€55,000 u kif beħsiebu jiffinanzja l-kumplament. Dan għax il-Kap Nazzjonalista għażel li ma jiħux il-programm ta’ pagamenti bin-nifs bħalma jagħmlu ħafna nies iżda ħallas f’daqqa minkejja li kien qal li kien hemm problema ta’ cash flow.
Iżda, il-gazzetta KullĦadd ikkonfermat li Delia gideb. Is-snin ta’ wara mhux vera kienu mħallsin u għad irid iħallashom anke jekk riċenti sar magħruf li meta kien avukat kien jaqla’ €210 fis-siegħa u d-ditta legali tiegħu ħadet mijiet ta’ eluf ta’ ewro f’konsulenzi tal-gvern.