Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kompla jaqbeż għal Jean Pierre Debono anki jekk għat-tieni darba f’anqas minn sentejn kien affaċċjat b’allegazzjonijiet serji ta’ tbabis f’dokumenti u listi uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista.
“B’ċertezza dawn l-akkużi ta’ tbabis fl-eżekuttiv assulutament m’huwiex il-każ,” qal Delia.
B’rabta ma’ dan l-istess suġġett waqt Xarabank tal-Ġimgħa filgħaxija Wayne Hewitt, eks Kunsillier Nazzjonalista u persuna qrib ħafna ta’ Simon Busuttil saħansitra ddikjara li ma jħossux komdu b’elezzjoni għal kap ġdid minħabba possibilta ta’ tbagħbis fil-listi.
“M’għandix kunfidenza li l-lista tal-kunsilliera qabel ma jsir vot bħal dan hux se titbgħabas,” iddikjara Hewitt.
Matul l-istess programm Delia kien affaċċjat b’allegazzjoni oħra minn David Thake.
Thake li kien xandar u kunsillier tal-Partit Nazzjoanlista fi żmien l-eks kap nazzjonalista Simon Busuttil allega li negozjant offra €50,000 lil Pierre Portelli jekk David Casa ma jitlax fil-Parlament Ewropew. Fil-fatt Thake saħaq li l-Partit Nazzjonalista ħadem kontra Casa.
“Il-Partit ħadem kontra Casa,” qal Thake.
Delia ċaħad din id-dikjarazzjoni u fuq Facebook, l-id il-leminja tiegħu Pierre Portelli ħadha qatta bla ħabel kontra Thake u qallu li donnu baqa’ ma tgħallem xejn mil-libelli kollha li tilef meta kien xandar tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-istess programm Delia kien mistoqsi wkoll dwar l-akbar żewġ telfiet elettorali fl-istorja politika ta’ pajjiżna. Huwa wieġeb billi tefa l-ħtija fuq dawk ta’ qablu u li fi kliemu ħallew partit b’diffikultajiet kbar.
“Jien li nista’ ngħid hu li l-affarijiet ma jsirux mil-lum għal għada partikolarment meta jkollok xi ħadd ġdid f’partit diffikultajiet kbar wara sensiela sħiħa ta’ telfiet elettorali,” iddikjara Delia.
Delia mbagħad reġa widdeb lid-deputati li ta’ kuljum qegħdin jiktbu fuq il-Facebook,
Sabiex itaffi ftit mill-tensjoni ta’ bejn il-fazzjonijiet Adrian Delia kompla jagħmel tiegħu l-frame up Egrant u qal li għaġġel fid-deċiżjoni li kien ħa fil-konfront ta’ Simon Busuttil meta talbu jissospendi lilu nnifsu mill-grupp parlamentari dwar din l-akbar gidba politika fl-istorja politika ta’ pajjiżna.
“Iva għidt li kienet deċiżjoni affrettata,” Delia qal.
Saħansitra wasal biex qal li bl-Egrant Simon Busuttil mexa sew.