- RABJA GĦALIH MINN UĦUD GĦAX QABAD U FAJJARHA FUQ L-IIP
- KIEN HEMM MIN TKELLEM DWAR KIF M’GĦANDUX X’JAQSAM MIEGĦU
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, iddeċieda waħdu fuq il-Fosos tal-Furjana li jbiddel il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment.
Il-Partit Nazzjonalista kien kontra ħafna din l-iskema meta tħabbret għall-ewwel darba. Dan anke jekk kienet ittejbet bis-sehem tal-imsieħba soċjali u spiċċat l-unika waħda approvata mill-Kummissjoni Ewropea.
Eventwalment l-iskema bdiet titħaddem ukoll minn persuni fil-Partit Nazzjonalista tant li wħud bit-tessera u involviment fl-istamperija huma fost dawk li l-iktar ġabu investituri lejn Malta jew tkellmu f’isimhom meta waslu hawn.Dan wassal biex qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali kien hemm realizzazzjoni li l-Partit Nazzjonalista ma setax jibqa’ fl-estrem. Għax dawk li ħadmuha fiehmu li kienet skema tajba għal Malta bi due diligence tal-ogħla livell.
Għalhekk kien intqal li l-iskema tkun imtejba jekk jitla’ l-Partit Nazzjonalista. Xhur ilu l-Gvern ukoll qal li jrid itejjibha u nieda konsultazzjoni pubblika. Kien għalhekk li l-PN beda jiddiskutiha fil-grupp parlamentari u nies bħal Viċi Kap David Agius huma ‘on record’ jgħidu li l-grupp ried jiddeċiedi dwarha. Fi Frar, Agius kien indika li l-grupp kien maqsum dwarha u f’Mejju Delia wkoll qal li l-grupp għad irid jiddiskutiha.
Iżda, il-grupp qatt ma laħaq ftehim dwar il-pożizzjoni tal-PN u meta din il-ġimgħa Delia kien intervistat fuq il-Fosos ikkommetta lil kulħadd.
Sors minn ġewwa li normalment ikun korrett u mgħarraf sew qalilna: “Ma kinux qed ikunu l-aqwa festi tal-Indipendenza u l-Kap ried jagħmel ftit dikjarazzjonijiet b’saħħithom. Waħda minnhom kienet din tal-IIP li kienet ukoll waħda mqanqla. Però, il-Kap nesa li sa xi erba’ snin ilu l-istess argument għamlu mingħajr suċċess Simon Busuttil,” kompla jintqal lilna mill-istess sors li jaf x’sew xi jkun qed jiġri fil-grupp parlamentari. Saħansitra qal li kien hemm deputati li tkellmu ma’ professjonisti u għamluha ċara li huma m’għandhom x’jaqsmu xejn mad-deċiżjoni li ħa Delia waħdu.
Il-grupp parlamentari tal-PN jiltaqa’ nhar it-Tlieta wara tliet xhur mingħajr ebda laqgħa jew komunikazzjoni u mhux eskluż li din it-tema titla’ fuq l-aġenda fil-laqgħa minn deputati li jistaqsu kif ittieħdet din il-pożizzjoni radikali.