F’konferenza tal-aħbarijiet il-Partit Laburista nnota kif tmien t’ijiem wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qal li se jitlob lil Simon Busuttil jissospendi lilu nnifsu mill-Partit Nazzjonalista, spiċċa jċedi għal dak li ried l-establishment tal-Partit Nazzjonalista.
Id-deputat Laburista Robert Abela iddikjara: “B’dak li għamel ilbieraħ mhux biss reġa’ tefa dubji kbar dwar min tassew imexxi fil-Partit Nazzjonalista iżda għamel tiegħu l-gidba ta’ Egrant.”
Fisser kif id-diskors kollu tal-aħħar jiem, minn Adrian Delia nnifsu, li l-Partit Nazzjonalista jrid juri li tgħallem mill-mod kif mexa f’dan l-ikbar frame up politiku fl-istorja issa ma jiswa xejn.
Robert Abela fakkar fis-serjetà ta’ dan il-każ li kien jinkludi wkoll dokumenti foloz u qal li fuq kollox kien Adrian Delia nnifsu li qal li Busuttil ma kienx għad għandu post fil-grupp parlamentati Nazzjonalista.
Il-whip tal-grupp parlamentari Laburista, Byron Camilleri, qal li huwa ċar li l-establishment li wiegħed li se jneħħi Delia qed jieħu d-deċiżjonijiet fil-PN. “Meta tisma dawn id-dikjarazzjonijiet u tara dak li seħħ fl-aħħar sigħat terġa’ tiġi f’dubju min imexxi l-Partit Nazzjonalista,” qal Byron Camilleri.
Camilleri sostna li dan juri kif Delia mhux kapaċi jimplimenta deċiżjoni li ħa bħala Kap tal-Partit. “Aħseb u ara kemm ikun kapaċi u jista’ jkun fdat biex jimplimenta deċiżjonijiet importanti għall-pajjiż ta’ kuljum li kieku kien Prim Ministru,” qal Camilleri. Byron Camilleri qal ukoll li Delia għandu problema kbira ta’ awtorità tant li mhux kapaċi jmexxi grupp ta’ inqas minn deputat parlamentari.
Iddeskriva wkoll in-nuqqas ta’ azzjoni minn Adrian Delia bħala eżempju ieħor fejn jidher li l-Partit Nazzjonalista ma tgħallem xejn mill-aħħar elezzjoni ġenerali.