Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia biddel il-pożizzjoni tiegħu u ċeda għall-pressjoni tal-fazzjoni ta’ Busuttil/ Delia se jkollu jlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali u jitlob vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu.
Fit-tmiem il-laqgħa tal-eżekuttiv li ntemmet f’nofs illejl, Adrian Delia, taħt pressjoni qal li se jkollu jlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali.
Ġimgħa ilu l-fazzjoni ta’ Busuttil ppreżentat petitzzjoni b’mitejn firma ta’ kunsilliera sabiex jitlaqqa’ l-kunsill ġenerali u titressaq mozzjoni ta’ fiduċja fil-kap nazzjonalista.
Iżda Adrian Delia qal li kien hu li fil-laqgħa tal-Ħamis ppropona li jitlaqqa’ l- Kunsill Ġenerali straoridnarju.
Kien hemm petition tgħid li int għandek tlaqqa’ l-kunsill ġenerali? Se jintalab vot ta’ fiduċja?
Delia wieġeb, “Il-kunsill ġenerali mhux se jiddiskuti biss il-vot ta’ fiduċja, jekk trid isejjaħlu hekk. Din kienet xi ħaġa li xtaqt jien u invokajtu jien il-Kunsill Ġenerali.”
Il-vot mill-kunsilliera fit-tmexxija ta’ Adrian Delia se jittieħed fis-27 ta’ Lulju.
Vot li se jkun irrilevanti għax ikun x’jkun ir-riżultat, Adrian Delia qal li se jibqa’ fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. F’botta ċara lejn il-fazzjoni Busuttil, Adrian Delia qal li huma t-tesserati li ħatruh Kap tal-Partit u mhux il-kunsilliera. Qal li huma t-tesserati li jridu jneħħuh minn kap, anki jekk it-tesserati mhumiex mitluba jivvutaw f’dan il-vot ta’ fiduċja li se jittieħed fih.
Delia qal, “Mela id-deċiżjoni dwar l-għażla u t-tneħħija tal-kap qiegħda biss f’idejn it-tesserati.”
Sabiex jipprova jikkuntenta lill-fazzjoni Busuttil, Adrian Delia biddel il-pożizzjoni tiegħu dwar is-sejħa għall-vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu. Jiem wara t-telfa elettorali ta’ Mejju li għadda, Adrian Delia tenna għal bosta drabi li mhux se jitlob vot ta’ fiduċja.
Fl-erbgħa ta’ Ġunju, Delia kien qal li hemm sezzjoni fil-partit li ma tridx taċċetta l-pożizzjoni tiegħu fit-tmexxija tal-partit u billi jitlob vot fit-tmexxija tiegħu mhu se jakkwista xejn.
Saħansitra, Delia kien qal li mhux se jisma’ mill-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi li appellalu biex jieħu t-tmexxija tiegħu għal test wara t-telfa elettorali.
Fit-tmiem il-laqgħa, l-esponenti tal-fazzjoni Busuttil, fosthom Karol Aquilina, Jason Azzopardi, Marthese Portelli, David Casa u Roberta Metsola u Ivan Bartolo li ppreżenta l-petizzjoni f’isem fazzjoni Busuttil, ħarġu bit-tbissima għax Delia ċeda għall-pressjoni tagħhom. (f’dan il-filmat jidhru dawn in-nies 299)
Fil-petizzjoni li sejħet għall-vot ta’ sfiduċja f’Delia, il-fazzjoni Busuttil tenniet li wara t-telfa kbira li ġarrab l-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-kunsilli lokali, Adrian Delia u t-tmexxija għandhom jerfgħu ir-responsabilità u jirriżenjaw.