Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia uża l-intervent tiegħu fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista sabiex bl-istess ton negattiv ta’ Simon Busuttil ikkritika l-ħidma tal-Gvern.
Fost il-kritika, Delia allega li l-Gvern tilef il-qalb soċjali tiegħu hekk kif skond hu l-Gvern mhu jagħmel xejn dwar il-faqar f’pajjiżna.
Din id-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni stunat sew mal-istatistika tal-Eurostat meta f’waħda mill-istatistiċi tagħha innutat li bħalissa Malta ghandha l-anqas rata ta’ faqar mill-elfejn u tlieta l-hawn.Iċ-ċifri juru li fl-elfejn u sbatax, il-persuni f’riskju ta’ faqar naqas b’aktar minn sittax-il elf meta mqabbel mal-elfejn u erbatax.
L-istatistika turi wkoll li dawk imċaħħda mill-aktar affarijiet bażiċi naqsu b’aktar min-nofs u l-Eurostat ikklassifikat lil pajjiżna fost l-anqas erba’ pajjiżi b’dan it-tip ta’ faqar.
Fl-intervent tiegħu, Delia kien skorrett ukoll dwar il-prezzijiet tal-fuel.
Huwa pprova jpinġi sitwazzjoni fejn Malta nħallsu fost l-ogħla prezzijiet għall-fuel meta fir-realtà statistika tal-Kummissjoni Ewropea, din il-ġimgħa, indikat li bħalissa hemm total ta’ ħmistax-il pajjiż ieħor bi prezzijiet ta’ fuel ogħla minn Malta.
Fid-diskors tiegħu, Delia attakka wkoll l-investiment ta’ mitejn miljun mill-privat li se jagħtu ħajja mill-ġdid lil San Luqa, Karen Grech, u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex; kif ukoll attakka lill-investiment ta’ sebgħa mitt miljun li qed isir fit-toroq kollha ta’ pajjiżna, it-trasport b’xejn għat-tfal kollha tal-iskola u maqdar ukoll ir-roħs fil-prezzijiet tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Dan kompla jikkonferma kif il-mod ġdid ta’ Adrian Delia mhu ġdid xejn u n-negattività li qed toħroġ minn fommu hija identika għal dik ta’ Simon Busuttil.