Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li qara l-baġit u ma sab xejn fih. Dan waqt intervista qasira fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista l-Ħadd filgħodu.
Il-Kap Nazzjonalista kompla bit-ton negattiv li kellu fid-diskors tiegħu nhar it-Tnejn li għadda meta qal li l-pajjiż għaddej minn problemi finanzjarji.
Adrian Delia reġà qal li dan il-gvern qed idaħħal it-taxxi inkiss inkiss matul is-sena, minkejja li għal sena oħra il-baġit ma jinkludi l-ebda taxxa diretta jew indiretta.Delia injora wkoll l-investimenti kapitali mħabbra fil-baġit, fosthom l-ogħla allokazzjoni ta’ kull żmien fit-toroq, u f’dikjarazzjoni surreali qal li fil-baġit m’hemm l-ebda nefqa allokata għall-proġetti kapitali.
U fi tmiem ġimgħa ta’ diskorsi xenofobiċi u kontra l-barranin kemm minn Delia fil-Parlament kif ukoll minn esponenti Nazzjonalisti, il-Kap Nazzjonalista reġa dawwar ir-rotta, u issa huwa nkwetat li l-barranin m’humiex interessati jiġu f’pajjiżna.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-fatt li Adrian Delia ma qarax il-budget mhux sorpriża, għax Delia lanqas id-dokument ta’ qabel il-baġit tal-partit tiegħu stess ma qara.
Dan għaliex kieku mqar qara d-dokument tal-Partit tiegħu stesskien jevita wħud mill-ikbar żbalji li għamel nhar it-Tnejn u li għadu qed jippersisti bihom.