Adrian Delia ma jaqbilx mal-mod ta’ kif Beppe Fenech Adami u Deputati Nazzjonalisti oħra bħal Karol Aquilina qed imexxu l-Kumitat Parlamentari għall-kontijiet pubbliċi.
Waqt programm fuq stazzjon privat l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia stqarr li l-atteġjament f’dawn il-kumitati huwa xempju ta’ dak li wieħed m’għandux ikun fil-politika.
Adrian Delia tenna,“Mhux ma kinux pjaċevoli għalija huwa… inti l-ewwel semmejt ħin minnhom li tant ikun hemm elementi tajbin li minn daqqiet jibżgħu mill-politika, litteralment, ikunu qed jitħajru imma jibżgħu. U jekk tara x’ġara f’dawk il-kumitati propju huwa ritratt ta’ dak li m’għandhomx ikunu dawn is-sezzjonijiet ta’ tgħajjir.”
Din ġiet meqjusa bħala botta diretta lejn Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u Ryan Callus li huma l-membri li jpoġġu fuq il-kumitat għall-kontijiet pubbliċi.
Dawn it-tliet deputati tal-establishment Nazzjonalista huma magħrufa għall-mod partiġġjan li bih qed imexxu l-kumitat parlamentari.
Din mhux l-ewwel darba li dan l-aġir tad-deputati Nazzjonalisti kien innutat.
Fost l-oħrajn kienet l-Avukata Giannella de Marco li waqt laqgħa tal-Kumitat kienet saħansitra ġiet imtelfa fil-qadi ta’ dmirijieta bħala avukat li dehret għal xhud.
Fil-fatt il-Kamra tal-Avukati kienet esprimiet id-diżappunt tagħha għall-aġir u l-kommossjoni tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.
Karol Aquilina: “Jiena m’inix ser niġi bullied minnek.”
Giannella de Marco: “Jiena m’inix ser niġi bullied minnek. Jien m’inix qiegħda aw biex nipprova nieħu political mileage.”
Karol Aquilina: “M’intix ser tibbuljani.”
Giannella de Marco: “M’intix ser tibbulja int.”
L-Avukat de Marco wkoll kienet innutat kif waqt dan il-Kumitat, Karol Aquilina kien qed jikser id-drittijiet tax-xhieda bil-mod ta’ kif beda jagħmel il-mistoqsijiet.
De Marco tenniet, “Is-sur Aquilina għandu jitgħallem x’inhuma d-drittijiet. U jekk id-drittijiet tal-individwu ma jeżistux, jekk għalih id-dritt tas-smiegħ xieraq hija xi ħaġa li hu jikkalpesta mela allura s-sur aquilina m’għandux post aw ġew.”