Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, baqa’ fil-laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista li ddiskutiet lil Jean Pierre Debono, kanvaser ewlieni tiegħu u li l-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista kkundannatu għall-mod kif ħadem meta kien qed imexxi l-kampanja għall-istess Adrian Delia.
Imkejjen fil-Partit Nazzjonalista sostnew li Delia kellu jħalli lill-Kunsill Amministrattiv jiddeċiedi fil-libertà u jirtira mil-laqgħa. Iżda, Delia ma riedx jagħmel dan għax beża’ li l-Kunsill Amministrattiv jispiċċa jitlob passi dixxiplinarji kontra Jean Pierre Debono. Xi ħaġa li ma xtaqx wara li ċedielu s-siġġu.
It-tagħrif li Delia ma rtirax mil-laqgħa kkonfermah Karol Aquilina, President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista. Fi tweġiba għall-mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta Aquilina qal: “Ilbieraħ saret l-ewwel laqgħa tal-Kunsill Amministrattiv li attenda u pparteċipa fiha mill-bidu sal-aħħar il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, Dr Adrian Delia, kif inhu l-obbligu tiegħu skont l-Istatut tal-Partit Nazzjonalista.”
B’hekk jirriżulta b’mod ċar li Delia baqa’ ġewwa l-ħin kollu, filwaqt li rtira Jean Pierre Debono. Fil-fatt it-tweġiba ta’ Aquilina ssoktat tgħid: “Peress li waqt il-laqgħa ġie diskuss il-każ ta’ Jean Pierre Debono, dan tal-aħħar għażel li joħroġ mil-laqgħa meta l-Kunsill Amministrattiv kien qed jiddiskuti u jieħu deċiżjoni dwar il-każ tiegħu, liema deċiżjoni ġiet ippubblikata minnufih malli ntemmet il-laqgħa.”
Għalkemm finalment ma ttieħdu ebda passi kontra l-Assistent Segretarju Ġenerali Jean Pierre Debono dwar il-każ tal-firem u l-prokuri fil-proċess ta’ elezzjoni għall-kap, il-Partit Nazzjonalista kien kostrett joħroġ stqarrija iebsa għaliex il-kwistjoni kienet se tibqa’ titwal.
Għal darb’oħra dan kontra x-xewqa tal-Kap il-ġdid Adrian Delia li sa issa għad m’għandux il-kontroll fil-partit bin-numru minoritarju ta’ deputati li jappoġġjawh qed jipprovaw jagħmlu kull sforzi biex jagħtuh imbuttatura.
Fil-fatt, hekk għamlu f’laqgħa tal-amministrattiv li kienet qed tiddiskuti rapport intern tal-Kumissjoni Elettorali li fiha sabet li Jean Pierre Debono uża tattiċi “illeċti”. Fil-fatt Debono kien ikkundannat bil-kbir mill-Kummissjoni Elettorali, iżda l-klikka ta’ madwar il-kap ma riditx iċċedi, iktar u iktar issa li ċedielu s-siġġu, għax ma kienx hemm għażla oħra. Dan b’deputat wara ieħor jirrifjuta li jċedi s-siġġu lil Delia.
Fil-fatt l-istqarrija iebsa hija wkoll parti minn sforz min-nies ta’ madwar Delia u Jean Pierre Debono biex il-każ ma jispiċċax irrappurtat lill-pulizija minn xi ħadd li Debono ġabar il-vot f’ismu mingħajr ma infurmah.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Kumitat Amministrattiv iddiskuta l-aġir ta’ Debono u approva u għamel tiegħu l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni Elettorali u kkonkluda li ma jara l-ebda ħtieġa li jsiru aktar investigazzjonijiet.
Ir-rapport intern tal-Kummissjoni Elettorali kien żvelat mill-Maltatoday u kixef li Jean Pierre Debono ffalsifika firem tat-tesserati fi prokuri foloz. Dan sar sabiex ikun jista’ jiġbor id-dokumenti tal-vot tagħhom hu.
Debono nqabad meta tesserat mar id-Dar Ċentrali biex jiġbor id-dokument tal-vot tiegħu u skopra li Debono kien preżenta prokura ffirmata biex ikun jista’ jiġbor il-vot f’ismu. Meta ra l-prokura, it-tesserat sostna li dik ma kinitx il-firma tiegħu.
Intant il-Kunsill Amministrattiv aċċetta wkoll dikjarazzjoni ta’ Jean Pierre Debono li permezz tagħha ngħad li talab skuża, refa’ r-responsabbilità għal dak li seħħ u obbliga ruħu li bl-ebda mod ma jkun involut fil-proċessi elettorali li għandhom isiru sal-aħħar tas-sena.
“Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kunsill Amministrattiv iddeċieda li pubblikament iwiddeb lil Jean Pierre Debono għall-aġir tiegħu u jtenni li l-Partit Nazzjonalista ma jittollera l-ebda abbużi fi proċessi elettorali,” qal il-Kunsill Amministrattiv li żied kif Debono obbliga ruħu li bl-ebda mod ma jkun involut fil-proċessi elettorali li għandhom isiru sal-aħħar tas-sena.