Il-President ta’ Malta, Marie Louise Colerio Prece laqgħet id-delegazzjoni kummerċjali miċ-Ċina li tinsab Malta biex tesplora opportunitajiet ta’ investiment f’Malta u f’Għawdex.
Il-President qalet li r-rabtiet bejn Malta u ċ-Ċina ilhom għal dawn l-aħħar ħamsin sena, meta l-eks Prim Ministru, Dom Mintoff kien fost l-ewwel Prim Ministri tal-punent li żar il-pajjiż Asjatiku.
Il-President Coleiro Preca semmiet ukoll l-aħħar investiment Ċiniż f’Malta dik tax-Shanghai Electric, fejn illum il-poplu Malti qed igawdi minn arja aktar nadifa b’power station li taħdem bil-gass.
F’kummenti li tat lill-ONE news, il-President semmiet kif din id-delegazzjoni qed tara potenzjal kbir fil-gżejjer Maltin, b’mod speċjali f’Għawdex.
“Huma membri tal-komunità tan-negozju Ċiniża li huma ‘high levelled’, jiġifieri ta’ kumpaniji l-akbar. ġew b’ħafna entużjażmu biex jaraw il-potenzjal ta’ malta ħalli jsibu l-kollaborazzjonijiet tagħhom f’pajjiżna u anke naturlament jinvestu ġewwa pajjiżna”
Il-president awgurat li l-laqgħat li d-delegazzjoni Ċiniża se jkollha mal-awtoritajiet Maltin fosthom mal-Prim Ministru Joseph Muscat iħallu l-frott mixtieq.
Għal-laqgħa kienu preżenti wkoll id-deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-ministri Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Justyne Caruana.