Delegazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tal-Parlament Ewropew (ECON) żaret il-Belt Portugiża ta’ Lisbona u ddiskutiet it-tibdil li seħħ fil-Portugall wara li l-pajjiż ħareġ mill-programm ta’ salvataġġ impost miż-żona Ewro biex jegħleb il-problemi finanzjarji li rriżultaw mill-kriżi tal-2008.
Ewroparlamentari minn gruppi politiċi differenti tal-Parlament Ewropew, inkluż l-Ewroparlamentari Alfred Sant, iltaqgħu ma’ rappreżentanti tal-Gvern, iltaqgħu wkoll mal-Ministru tal-Finanzi Portugiż Mario Centeno (fin-nofs) u kellhom taħditiet mar-rappreżentanti tal-Parlament u s-soċjeta` ċivili Portugiża.
Id-delegazzjoni ECON inkludiet ic-Chairperson tal-Kumitat ECON l-Ewroparlamentari Roberto Gualtieri (S&D), Pervenche Berès (S&D) u Pedro Silva Pereira (S&D). Kien hemm ukoll l-Ewroparlamentari tal-Grupp tal-EPP Brian Hayes, Georgios Kyrtsos, Esther de Lange, Theodor Dumitru Stolojan u José Manuel Fernandes. L-Ewroparlamentari Lieve Wierinck f’isem il-Grupp ALDE.