Edward Zammit Lewis u Toni Bezzina, chairperson u membru rispettivament tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej, ipparteċipaw fis-LX Laqgħa tal-Kumitati Parlamentari tal-Unjoni Ewropea dwar l-Affarijiet Ewropej (COSAC) fi Vjenna, bejn id-19 u l-20 ta’ Novembru 2018 bħala parti mil-laqgħat interparlamentari tal-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bit-tema ‘Ewropa li tipproteġi’. Din il-laqgħa tiġi organizzata f’kull presidenza bħala parti mil-laqgħat interparlamentari li jinżammu matul il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.
F’din il-laqgħa kienu diskussi erba’ temi prinċipali: il-prijoritajiet tal-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill, Brexit, l-enerġija u t-tibdil fil-klima, u kif aktar trasparenza fil-prattiċi tal-Unjoni Ewropea tista’ tqarreb l-Unjoni aktar viċin iċ-ċittadini.
Zammit Lewis tkellem fir-raba’ sessjoni dwar it-trasparenza fejn irrimarka li Malta hija eżempju ta’ pajjiż li l-maġġoranza kbira tiegħu jemmen li l-Unjoni Ewropea hi proġett importanti u li għamlet differenza kbira fil-ħajjiet tal-Maltin u tal-Għawdxin. Għalhekk, iċ-ċittadini Ewropej għandhom dritt ikunu jafu x’qed jiġri fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jkunu jistgħu jaraw li dak li jiġi deċiż jiġi implimentat b’mod li jagħmel differenza fil-ħajjiet tagħhom ta’ kuljum. Hu saħaq li hemm bżonn li r-Regolament dwar it-Trasparenza jiġi osservat b’mod aktar rigoruż u li hemm bżonn li jiġu maħsuba strutturi ġodda li fihom jipparteċipaw iċ-ċittadini sa mill-fażi inizjali fejn tkun qed tiġi formulata l-politika tal-Unjoni.
F’din is-sessjoni tkellem ukoll Toni Bezzina li qal li meta wieħed jitkellem maċ-ċittadin fl-istati membri, jinduna li dawn huma xettiċi ħafna dwar kemm l-Unjoni Ewropea hi d-difensur taċ-ċittadini Ewropej b’mod speċjali fir-rigward ta’ trasparenza u tar-rule of law f’pajjiżhom. Hu argumenta li wasal iż-żmien li l-Unjoni Eworpea taħdem qatigħ mhux biss biex tippromwovi t-trasparenza u r-rule of law, iżda l-ewwel u qabel kollox trid turi bil-fatti li l-istituzzjonijiet tagħha stess huma trasparenti f’dak kollu li jagħmlu. Wara li tagħmel dan trid turi liċ-ċittadini Ewropej li qed tagħmel iċ-checks and balances neċessarji biex tassigura li kull stat membru hu trasparenti f’dak kollu li jagħmel u li jkun kontabbli lejn iċ-ċittadini tiegħu. Ikkonkluda li b’hekk biss l-Unjoni Ewropea tista’ tikseb lura l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej billi b’mod effettiv turihom li jimpurtaha minnhom. B’dan il-mod nistgħu naċċertaw li l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Mejju li ġej ikunu suċċess.
Ritratt – Il-Parlament Awstrijak