Fil-Ministeru għal Għawdex saret laqgħa bejn il-Ministru Justyne Caruana u delegazzjoni mill-Kunsill Lokali ta’ Palermo li kienu f’Malta fuq żjara uffiċjali. Waqt din il-laqgħa saret diskussjoni u skambju ta’ ideat dwar sfidi komuni kemm għal Għawdex, bħala gżira reġjun, kif ukoll għall-belt ta’ Palermo. Fost il-punti diskussi, fuq nett tal-aġenda kien hemm il-fatt li ż-żewġ lokalitajiet jistgħu jikkoperaw aktar ma’ xulxin f’dak li għandu x’jaqsam mal-aspett kummerċjali u kulturali. Dan min barra li n-numru ta’ residenti u negozji Taljani, speċjalment Sqallin, kulma jmur qed jikber f’Għawdex, kif ukoll minħabba li l-aspett kulturali qed jingħata l-attenzjoni li jixraqlu.
Il-Ministru Caruana fakkret fir-rabtiet b’saħħithom li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi, li jmorru lura numru kbir ta’ snin. “Il-fatt li aħna ġejjin minn gżira, l-ikbar waħda fil-Mediterran fil-każ tagħkom, u waħda mill-iżgħar fil-każ tagħna, jgħinna nifhmu aktar il-bżonnijiet ta’ xulxin”, qalet il-Ministru Justyne Caruana. Hija qalet ukoll li bħala gżejjer nitkellmu ħafna fuq sfidi, però ninsew insemmu l-opportunitajiet li jeżistu. “Kemm Għawdex, kif ukoll Sqallija, joffru opportunitajiet diversi li jridu jiġu sfruttati għall-ġid tar-residenti tagħhom”, kompliet tgħid il-Ministru.
L-avukat Giulio Cusumano semma kif Palermo kienet ġiet magħżula bħala world heritage site fis-sena 2016, u kif preżentament din il-belt ingħatat it-titlu tal-Belt Kulturali Taljana. L-avukat elenka programm ta’ attivitajiet kulturali li ġie ppreparat apposta mill-Kunsill ta’ Palermo biex ifakkar dan l-avveniment. Huwa stieden delegazzjoni mill-Ministeru biex iżżur il-belt ta’ Palermo u biex ikollha laqgħat kemm fuq l-aspett kummercjali kif ukoll dak kulturali, li jistgħu jagħtu l-frott ’il quddiem.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Tourism Authority Joe Muscat, kif ukoll is-Segretarju tal-Gozo Business Chamber Joe Grech.