Delegazzjoni mill-Uffiċċju tal-Verifika tal-Istat tal-Vjetnam (SAV), immexxija mis-Sur Nguyen Tuan Anh, Deputat Awditur Ġenerali, u akkumpanjata mis-Sur Duong Hai Hung, l-Ambaxxatur tal-Vjetnam għall-Italja u Malta, wettqu żjara bilaterali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ta’ Malta (NAO) illum, it-23 ta’ April 2024. Id-delegazzjoni ġiet milqugħa fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika mis-Sur Charles Deguara, Awditur Ġenerali u s-Sur Noel Camilleri, Deputat Awditur Ġenerali, kif ukoll uffiċjali għolja oħra tal-NAO.
Din l-okkażjoni kienet l-ewwel laqgħa bilaterali tat-tip tagħha bejn dawn iż-żewġ uffiċċji nazzjonali tal-awditjar u timmarka mument kruċjali fil-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet.
Iż-żjara għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali eżistenti bejn SAV u NAO u tesplora toroq ġodda għal kollaborazzjoni futura fl-isfera tal-awditjar tas-settur pubbliku. Matul iż-żjara, id-diskussjonijiet prinċipalment iffukaw l-aktar fuq verifika investigattiva.
Fid-dawl tal-għan komuni tagħhom li jsaħħu l-governanza tajba fl-amministrazzjoni pubblika, rappreżentanti kemm minn SAV kif ukoll mill-NAO skambjaw b’mod miftuħ l-esperjenzi u l-għarfien tagħhom f’dan il-qasam tal-awditjar.
Permezz ta’ din iż-żjara nħolqot opportunità biex għall-ġejjieni jiġu identifikati oqsma potenzjali għal kollaborazzjoni futura.
L-NAO wassal l-awguri tiegħu lil SAV hekk kif dan jinsab bil-preparamenti biex jiċċelebra t-30 anniversarju tiegħu fil-11 ta’ Lulju, 2024. Filwaqt li jenfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni bilaterali u multilaterali, l-NAO jistenna bil-ħerqa impenn kontinwu mal-SAV, inkluża l-parteċipazzjoni f’fora internazzjonali bħal avvenimenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (INTOSAI).
Iż-żjara bilaterali tenfasizza l-impenn ta’ SAV u NAO biex irawmu rabtiet mill-qrib u tagħlim reċiproku fil-qasam tal-awditjar tas-settur pubbliku, li fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxu għal tisħiħ ta’ governanza u responsabbiltà għall-benefiċċju taċ-ċittadini.