Delegazzjoni mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (ECA) immexxija minn Leo Brincat, membru Malti ta’ din il-qorti u minn Martin Weber, Direttur – Direttorat tal-Presidenza, għamlet żjara fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) għal taħditiet uffiċjali mal-Awditur Ġenerali Charles Deguara u mal-Assistent Awditur Ġenerali responsabbli mill-Affarijiet Internazzjonali Brian Vella, dwar kif iż-żewġ entitajiet jistgħu jsaħħu aktar il-kollaborazzjoni ta’ bejniethom. Id-delegazzjoni tal-ECA kienet tinkludi wkoll lil Neil Kerr u lil Annette Farrugia, Kap u Membru tal-Kabinett rispettivament, mill-uffiċċju privat tas-Sur Brincat.
Waqt il-laqgħa ż-żewġ naħat aġġornaw lil xulxin bil-ħidmiet ta’ dan l-aħħar li twettqu fi ħdan dawn l-entitajiet u bl-iżviluppi li jkomplu jmexxu ’l quddiem il-valuri fundamentali ta’ kontabilità u ta’ trasparenza li għall-ECA u għall-NAO huma ta’ importanza kruċjali. F’dan ir-rigward saret referenza għas-seminar li qed ikun organizzat bejn iż-żewġ entitajiet – ‘Audit follow-up in the Public Sector: Enhancing Accountability’ – kif ukoll għal-Laqgħa tal-Kumitat ta’ Kuntatt għall-Uffiċjali ta’ Komunikazzjoni li se tinżamm f’Malta mill-NAO f’Mejju tal-2018.
Laqgħa oħra li kellha d-delegazzjoni tal-ECA kienet ma’ Amanda Zammit, Direttur Ġenerali fid-Dipartiment tal-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet. Fost id-dmirijiet u r-responsabilitajiet li għandu dan id-dipartiment hemm ukoll il-verifika ta’ fondi mill-UE.