Delegazzjoni mill-Guardia di Finanza Taljana, immexxija mill-Ġeneral Antonio Quintavalle Cecere, żaret Malta matul il-ġimgħa li għaddiet għal sensiela ta’ laqgħat strateġiċi ma’ uffiċjali mill-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.
Din iż-żjara kellha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ korpi, partikolarment fl-iskambju ta’ prattiċi tajbin u esperjenzi operattivi fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, ir-reati finanzjarji u l-kriminalità organizzata.
Bħala parti minn din l-inizjattiva, għaddej il-proċess biex jitfassal Memorandum of Understanding (MoU) li għandu jservi bħala bażi għal aktar kollaborazzjoni. Il-ftehim propost għandu jiffaċilita l-investigazzjonijiet konġunti u jsaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ qsim ta’ informazzjoni, bil-għan li titjieb l-effiċjenza operattiva u l-azzjoni koordinata bejn iż-żewġ pajjiżi fil-ġlieda kontra netwerks kriminali kumplessi.
L-istess Memorandum mistenni jinkludi wkoll il-ħolqien ta’ programmi ta’ taħriġ konġunt, li permezz tagħhom se jkomplu jissaħħu l-ħiliet professjonali tal-persunal miż-żewġ entitajiet.
Din l-inizjattiva hija pass ieħor importanti fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u l-Guardia di Finanza, u tfisser ukoll impenn komuni favur l-infurzar effettiv tal-liġi kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali.