Delegazzjoni mill-Parlament Malti pparteċipat fis-Sessjoni tal-Ħarifa tal-Assemblea Parlamentari tal-Organizazzjoni tas-Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE PA) f’Andorra ben it-3 u 5 t’Ottubru 2017. Id-delegazzjoni kienet mmexxija mill-Membri Parlamentari Rosianne Cutajar u kienet tikkonsisti mill-Membri Parlamentari Emanuel Mallia u Herman Schiavone.
Id-delegazzjoni Maltijia pparteċipat b’mod attiv fil-laqgħat u dibattiti ġenerali. Il-Membru Parlamentari Emanuel Mallia intervjena fil-laqgħat fil-Forum Mediterran fejn tkellem war il-governanza tal-oċean u l-ekonomija blu. Huwa tkellem speċifikament fuq in-neċessità li l-qafas tal-governanza internazzjonali tal-oċeani u l-ekonomija blu ikun effettiv sabiex jindirizza diversi sfidi komuni.
Huwa qal li l-Membri Parlamentari għandhom rwol importanti sabiex jikreaw iktar għarfien fuq il-baħar, ċertezza legali kif ukoll zigurat fl-ekonomija blu sabiex dawn is-setturi jiprosperaw.
Il-MP Herman Schiavone tkellem dwar it-tibdil fil-klima u r-responsabilitajiet addizzjonali li stati iktar sinjuri gaħndhom f’dan ir-rigward. Huwa qal li l-membri parlamentari għandhom dmir li jitkellmu favur azzjonijiet kemm fuq livelli nazzjonali kif ukoll dawk reġjonali.
Il-MP Rosianne Cutajar tkellmet dwar l-importanza ta’ edukazzjoni nklussiva li tipromwovi l-paċi. Hija qalet li l-kapital uman ta’ kull nazzjon huwa fattur kruċjali għall-progress u l-iżvilupp speċjalment f’pajjiżi lli m’għandhomx riżorsi primarji.
Id-delegazzjoni Maltija se tkun qed tipparteċipa fil-Laqgħa tax-Xitwa tal-Assemblea Parlamentari li se tkun qed isseħħ fi Vjenna fi Frar tal-2018.