Fi żjara li delegazzjoni Maltija, immexija mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri, għamlet fil-Libja, saret laqgħa bilaterali mal-Prim Ministru Libjan Hamid al-Dbeibeh.
Matul din il-laqgħa ġie diskuss il-progress li qed isir fil-ħidma bejn iż-żewġ pajjiżi f’diversi oqsma relatati mal-infurzar tal-liġi u s-sigurtà, l-eżerċizzji ta’ taħriġ għall-forzi tal-ordni Libjani u oqsma ġodda ta’ koperazzjoni bejn l-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi.
Il-Prim Ministru Libjan kellu kliem ta’ ringrazzjament speċjali għal Malta, partikolarment għall-għajnuna mogħtija lill-poplu Libjan mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Forzi Armati ta’ Malta wara l-għargħar li ħakmu lil Derna f’Settembru 2023.
“Ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja huma storiċi, Fl-aħħar snin ħdimna ħafna biex dawk ir-relazzjonijiet insaħħuhom sew hux mil-lenti ta’ tal-Ministeru tal-Intern u anke tas-sigurtà fejn jidħol traffikar tad-droga u ta’ persuni iżda anke f’oqsma oħrajn fosthom business opportunities li hemm bejn Malta u l-Libja u anke f’oqsma ta’ enerġija u oqsma oħrajn.”
Il-Ministru Camilleri ltaqa’ wkoll mal-Ministru għall-Intern Libjan fejn ġew diskussi miżuri oħra konkreti kif Malta tista’ tkompli tassisti l-eżerċizzju ta’ żvilupp tal-kapaċitajiet tal-forzi tal-ordni Libjani.
Iż-żewġ naħat tkellmu fuq metodi differenti kif tissaħħaħ il-ħidma bejn l-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi fuq iż-żamma tal-ordni fir-reġjun, inkluż l-infurzar tal-liġi fuq il-baħar. Iddiskutew ukoll l-immigrazzjoni irregolari u l-ħidma tal-awtoritajiet Libjani fuq l-art u l-baħar biex titrażżan il-kriminalità organizzata u jiġi evitat it-telf ta’ ħajjiet.
Il-Ministru Camilleri żar ukoll l-akkademja tal-Pulizija f’Tajoura fejn segwa mill-qrib ir-riżultat tat-taħriġ li pprovdew uffiċjali mill-Forzi Armati ta’ Malta. Huwa radd ħajr lill-uffiċjali Maltin li pprovdew it-taħriġ fil-Libja u ppreżenta ċertifikati lill-uffiċjali Libjani li temmew it-taħriġ b’suċċess. Taħriġ simili ngħata lill-uffiċjali Libjani oħra involuti fis-salvataġġ bl-ajru u bil-baħar.
Id-delegazzjoni Maltija ltaqgħet ukoll mal-Ġeneral Mohammed Al-Haddad, il-Kmandant tal-Armata Libjana, flimkien mal-kapijiet tat-taqsimiet militari li jaqgħu taħtu.