F’laqgħa ta’ diskussjoni ma’ delegazzjoni Kroata, is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista, John Grech, qajjem punti rigward kif il-Gvern Laburista għandu jħaddan strateġiji ġodda ta’ turiżmu sostenibbli.
Matul il-laqgħa ġew diskussi kif pajjiżna u r-reġjun Kroat ta’ Šibenik-Knin, partikolarment il-belt ta’ Šibenik, li fiha joqogħdu mal-erbgħin elf persuna, jesperjenzaw problemi ta’ infrastruttura b’rabta ma’ attività turistika.
Għaldaqstant, permezz ta’ din il-laqgħa, infetħu bibien ġodda għal għarfien fuq l-istrateġiji li qed jaħdem fuqhom ir-reġjun Kroat biex Malta tkun tista’ tieħu idea minn fuq dan il-mudell turistiku u tħejji strateġija nazzjonali għat-turiżmu għall-manifest elettorali li jmiss.
F’kumment ma’ ONE News, Nella Slavica mid-delegazzjoni Kroata saħqet kif ir-reġjun tagħhom jiffaċċja tali sfidi turistiċi, iżda anke b’kollaborazzjoni ma’ Malta, inkluż permezz ta’ ġemellaġġi, kemm Malta kif ukoll ir-reġjun ta’ Šibenik-Knin jistgħu jitgħallmu u jespandu fis-settur tas-sostenibbiltà.
“We have several common issues and also opportunities for us especially in sustainable tourism and of course in cultural heritage. Actually we need to protect our wealth and also we would like to collaborate with the Maltese people.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista enfasizza dwar l-importanza ta’ laqgħat simili, li dejjem iġibu lok ta’ informazzjoni u tagħrif lejn pajjiżna dwar kif jista’ jimxi aktar ’il quddiem.
“Laqgħat bħal dawn huma importanti u kruċjali għalina, mhux biss għax qed nespandu n-network tagħna b’mod internazzjonali, iżda għax ukoll qed nifhmu li postijiet bħal Malta, reġjuni f’pajjiżi oħrajn bħal Malta, li għandhom l-istess issues u forsi opportunitajiet bħal tagħna wkoll.”