Delegazzjoni Franċiża mill-Università’ ta’ Stella Mare f’Korsika, żaret l-aġenzija Maltija Aquatic Resources Malta bħala parti mill-ftehim ta’ kollaborazzjoni li kien iffirmat f’Novembru tas-sena li għaddiet mir-Rettur tal-Università’ ta’ Korsika u l-Kap Eżekuttiv ta’ Aquatic Resources Malta taħt il-patroċinju tas-Segretarja Parlamentari Alicia Bugeja Said.
Din iż-żjara nkludiet laqgħat bilaterali fuq livell ta’ tmexxija u ppjanar b’rabta ma’ programm ta’ taħriġ u żvilupp bejn id-delegazzjoni Franċiża mmexxija minn Dr Jean-Jose’ Di Filippi u l-Kap Eżekuttiv, Dr Frank Fabri. Dan it-taħriġ , li se jibda matul ix-xhur li ġejjin, se jinkludi għarfien u prattiċi xjentifiċi ġodda fit-tniżżil, it-tifqis u t-tkabbir tar-rizzi, li ċ-ċentru Franċiż hu fost l-aktar avvanzati fid-dinja.
Dr Filippi faħħar il-ħidma ta’ Aquatic Resources Malta li f’inqas minn sena rnexxielha tħaddem mill-ġdid impjanti meħtieġa fl-operat akwatiku, fejn innota l-impenn favur il-kollaborazzjoni u l-opportunitajiet għall-impjegati meħtieġa fl-operat akwatiku.
Min-naħa tiegħu, Dr Frank Fabri qal li bħala Kap Eżekuttiv hu se jaħdem id f’id mal-esperti li ġew pajjiżna.
“L-esperti Korsikani ġew fil-faċilitajiet tagħna , żaru l-faċilitajiet kollha tagħna, u minn hemmhekk se jkunu qed jagħmlu audit tas-sitwazzjoni biex jibda t-taħriġ. Dan hu mod prattiku ta’ kif ftehim ta’ kollaborazzjoni jiġi implimentat. Għalina dan hu suċċess.”
Dr Frank Fabri – Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Aquatic Resources