Grupp ta’ 42 intraprenditur, inklużi żviluppaturi tal-proprjetà, aġenti tal-propjetà, konsulenti finanzjarji, u professjonisti oħra tal-proprjetà immobbli, kellhom l-opportunità li jesploraw l-aħħar avvanzi fis-settur tagħhom waqt delegazzjoni kummerċjali fl-Arabja Sawdija.
Din iż-żjara kienet organizzata mill-Fondazzjoni Property Malta u tmexxiet mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard. Din iż-żjara serviet ta’ pjattaforma għall-operaturi Maltin biex jesploraw opportunitajiet kummerċjali ġodda fis-setturi tal-kostruzzjoni u dak tal-proprjetà.
Matul iż-żjara, id-delegati pparteċipaw f’Cityscape Global, l-akbar avveniment internazzjonali għall-investiment u l-iżvilupp tal-proprjetà immobbli fir-reġjun tal-Golf. Dan l-avveniment kien jikkonsisti f’aktar minn 400 esebitur u 500 kelliem f’7 konferenzi fejn kumpaniji Maltin kellhom l-opportunità li jiddiskutu ma’ stakeholders ewlenin fis-settur.
Il-Ministru Attard kellu laqgħat mar-rappreżentanti tas-Saudi Green Forum, mal-Ministru tal-Muniċipalità u l-Affarijiet Rurali (Żvilupp Urban u Housing), kif ukoll mad-Deputat Ministru tal-Ġustizzja. Preżenti kien hemm ukoll l-Ambaxxatur ta’ Malta għar-Renju tal-Arabja Sawdija, Dr Clive Aquilina Spagnol, li organizza u ffaċilita dawn il-laqgħat, fejn kompla jisaħħaħ id-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Din id-delegazzjoni ffaċilitat opportunitajiet ta’ networking li mistennija jwasslu għal sħubijiet u kollaborazzjonijiet fit-tul bejn operaturi Maltin u l-kontropartijiet tagħhom fl-Arabja Sawdija.
Il-Ministru Jonathan Attard esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal mod ta’ kif żvolġiet din id-delegazzjoni. “Iż-żjara tagħna fl-Arabja Sawdija fetħet bibien ġodda għal kollaborazzjoni ulterjuri. Il-konnessjonijiet li saru hawn, partikolarment ma’ figuri ewlenin fil-Gvern Sawdi, bla dubju ser ikunu ta’ benefiċċju kemm għan-negozji Maltin kif ukoll għall-bqija tas-soċjetà fuq livelli aktar wiesgħa.”
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson ta’ Property Malta, Sandro Chetcuti qal, “Aħna impenjati li nitgħallmu mill-prattiċi ta’ pajjiżi oħra fis-settur tal-kostruzzjoni u l-proprjetà biex inlaħħqu mad-domandi tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Fl-Arabja Sawdija qegħdin jilqgħu l-isfidi bi żviluppi li jipprovdu kredenzjali ekoloġiċi eċċellenti u esperjenza ta’ għajxien unika għar-residenti. Din id-delegazzjoni timmarka pass importanti biex tissaħħaħ ir-relazzjoni internazzjonali filwaqt li ttejjeb l-opportunitajiet tan-negozju.”