Ġiet appuntata delegata ġdida taż-żgħażagħ għal Malta fin-Nazzjonijiet Magħquda.
Dan wara li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, ippreżenta l-ittra tal-ħatra lil Cara Borg Aquilina bħala Delegata Żagħżugħa għan-Nazzjonijiet Magħquda l-ġdida Maltija għas-sentejn li ġejjin. Is-Sinjorina Borg Aquilina se tkun qiegħda tieħu post is-Sur Matthew Micallef St John li temm it-terminu ta’ sentejn tiegħu f’din il-kariga reċentament u tingħaqad mas-Sinjorina Emma De Gabriele.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Borg feraħ lis-Sinjorina Borg Aquilina għal din il-kariga l-ġdida u saħaq l-importanza li tkun vuċi attiva żagħżugħa għal Malta fil-laqgħat marbuta man-Nazzjonijiet Uniti, b’mod speċjali matul dan iż-żmien fejn Malta qiegħda tokkupa post bħala membru elett fil-Kunsill tas-Sigurtà’ tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll rappreżentanti tal-ministeru flimkien ma’ rappreżentanti tal-Aġenzija Żagħżagħ.