Sejħu kuntratturi u kumpaniji biex id-dejn bidluh f’ċedola
Simon Busuttil rnexxielu jipposponi l-problema tad-dejn iżda żiedha
Mhux magħruf kemm il-Partit Nazzjonalista daħħal flus kontanti mill-iskema taċ-ċedoli. Li hu żgur hu li kien hemm eluf ta’ ewro li minn dejn inbidlu f’ċedoli. Biex fil-verità l-Partit Nazzjonalista ma jkun daħħal xejn iżda jkun ippospona biss l-isfida tad-dejn li llum huwa sigriet magħruf li fil-Partit Nazzjonalista tlaħħaq il-miljuni ta’ ewro.
F’rapport fil-KullĦadd intqal li dan ikkonfermawh l-istess sorsi li fl-aħħar ġimgħat kienu ipprovati korretti f’aħbar wara oħra li ppubblikajna.
Fosthom li t-tim ta’ kandidati li kien approva l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem kien se jkun żgħir. Saħansitra l-iżgħar wieħed f’diversi snin li matulhom il-PN għażel li jħabbar kandidati qabel l-Indipendenza.
Issa, dawn l-imkejjen spjegaw kif il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ Ann Fenech u Alex Perici Calascione, bagħat għal nies li l-Partit Nazzjonalista għandu jagħtihom eluf ta’ ewro.
Lil dawn talbuhom biex dak id-dejn jew parti minnu jibdluh f’ċedola fejn jitħallsu tiegħu fuq medda ta’ snin b’imgħax ta’ 4%. Kull €10,000 jinbidel f’ċedola.
Jirriżulta li kien hemm numru ta’ kumpaniji li aċċettaw dan it-tip ta’ arranġament bil-għan li jibdew jieħdu xi ħaġa minn dak li ilhom biex jieħdu snin. Oħrajn kienu offruti din l-iskema fl-aħħar jiem meta b’reazzjoni għall-aħbar ta’ Simon Busuttil li l-Partit Nazzjonalista ġabar tliet miljun ewro, ċemplu biex jiġbru flushom mingħand il-PN .
Fid-dawl li din l-iskema hija mdawra mas-sigrieti, it-tagħrif ta’ kemm hemm minnu self ġdid u ieħor dejn li nbidel f’ċedoli mhux magħruf. Li hu żgur, sostnew l-imkejjen tal-KullĦadd, hi dawn l-arranġamenti saru għaliex dwarha tkellmu wkoll kumpaniji li daħlu fl-iskema.
Iċ-ċedoli, li meta tniedew daħlu mill-ewwel f’kontroversja għaliex huma bypass għal-liġi tal-finanzjament tal-partiti , reġgħu ddominaw l-aħbarijiet fl-aħħar jiem wara li l-Ħadd li għadda Simon Busuttil ħabbar bi prominenza li mill-iskema ġabar tliet miljun ewro.
Minkejja dan fl-aħħar jiem Simon Busuttil u l-Partit Nazzjonalista baqgħu jinsistu li jżommu kollox sigriet. Mhux biss Simon Busuttil baqa’ jirrifjuta li jippubblika l-ismijiet ta’ dawk li selfu b’mod sigriet iżda l-Partit Nazzjonalista rrifjuta wkoll li jieħu sehem fi programmi dwar is-suġġett. B’Ann Fenech ma titħalliex tieħu sehem fil-programm Nistaqsu fuq ONE mxandar it-Tlieta li għadda. Din mhix l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista adotta din it-tip ta’ attitudni dwar din l-iskema tant li anke meta nedija kien għamel hekk f’laqgħa għal partitarji nazzjonalisti mingħajr ebda stedina għal midja.
Ritratt: Il-karikatura li dehret fil-KullĦadd u li tiġbor is-sitwazzjoni