L-Edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-ħolqien tax-xogħol kienu t-temi ewlenin tas-sessjoni tat-Tnejn ta’ Gvern li jisma’. Sessjoni li rat il-parteċipazzjoni tal-Ministru Evarist Bartolo u is-Segretarju Parlamentari Chris Agius.
‘Dejjem nimbuttaw biex isir iktar milli sar’, kliem il-Ministru Evarist Bartolo waqt is-sessjoni ta’ Gvern Li Jisma tat- Tnejn filgħaxija fejn kien diskuss il-qasam edukattiv u d-diversi inizzjattivi li saru u li għad irid isiru min-naħa tal-Gvern.
Il-Ministru tenna kif jinsab sodisfatt biż-żieda ta’ 5% ta’ studenti li qed ikomplu jistudjaw f’livelli post- sekondarji. Saħaq ukoll kif il-Gvern qed iżomm f’moħħu l-Aġenda Ewropea tal-qasam edukattiv biex is-settur dejjem ikompli jikber.
Spikka wkoll is-sodifazzjon tal-Ministru hekk kif Malta għandha l-inqas qgħad fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn jidħlu ż-żgħażagħ, inkluż dawk li għadhom kif gradwaw. Dan huwa riżultat tat-tisħiħ tal-ekonomija u l-ħolqien tax-xogħol li dan il-Gvern qed joffri liż-żgħażagħ u l-gradwati ġodda.
Min-Naħa tiegħu is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal kif it-twettiq ta’ Youth Village u Youth Help kienu importanti biex diversi żgħażagħ jingħaqdu fi spazju fejn dawn jistgħu jissoċċjalizzaw u jesprimu rwieħhom. Dan kien pass li skont Agius, fisser kif il-Gvern ma stenniex lil dawn iż-żgħażagħ jiġu viċin tiegħu, imma dan mar viċin taż-żgħażagħ.
Agius tenna wkoll kif qed tiżdied l-importanza li t-tfal jersqu viċin il-qasam xjentifiku, speċjalment meta wieħed jinnota kif għadu kif kien inawgurat ċentru ta’ erbgħa u għoxrin laboratorju fl-Universita li se joffri faċilitajiet għar-riċerka xjentifika. Dan qed isir ukoll permezz tal-proġett tal-Esplora fil-Bighi, fejn it-tfal- tal-iskejjel se jkollhom ċans jeliminaw il-biża li għandhom minn suġġetti xjentifiċi u jbiddlu il-ħsibijiet tagħhom dwar il-ħaddiema tal-qasam.
It-Tnejn qabblu kif l-edukazzjoni lit-tfal trid tkun waħda kontinwa u mhux waħda li tagħti prijorita’ biss lill-qasam akkademiku. Għalhekk il-Gvern se jibqa’ jaħdem biex l-esperjenza edukattiva tkun waħda mimlija ġajja u flessibilita bl-intervent ta’ oqsma differenti bħal ma huma l-isports ux-xjenza biex it-tfal ikollhom vjaġġ akkademiku iktar pjaċevoli.