Il-kċina.
Żgur mhux forsi dan huwa l-post għal qalb diversi Maltin; min biex isostni l-passatemp tiegħu, min biex isostni lill-familja ta’ kuljum u min għax għandu għajnejh ikbar minn żaqqu u għaldaqstant jispiċċa jħuf madwar il-kċina ta’ spiss biex inaqqar xi ħaġa.
Għal Justin Buttigieg, il-kċina hija parti integrali minn ħajtu. Huwa post li fih iqatta’ diversi sigħat jipprepara, iħawwad, jaqli u jixwi biex hekk kif il-platt jitlaq minn taħt idejh, ikun jista’ jara l-wiċċ sodisfatt tal-klijent hu u jiekol xi biċċa laħam eżotika li joffri dan ir-ristorant ġdid f’Bormla.
ONE News żar dan l-istabbiliment max-xatt Bormliż fejn sab lil Justin mitluf għaddej isajjar il-laħam tal-kukkudrill biex joffri l-aqwa prodott.
Bil-permess tiegħu, tellifnieh għal ftit sekondi biex jispjegalna wieħed mill-ħafna platti li kien qed jipprepara għal dak il-lejl.
Huwa spjegalna: “Dan huwa platt tradizzjonali tal-Isvizzera l-fondue li fih il-Gruyere cheese, l-Emmental u l-inbid aħmar u hawn Malta mhuwiex daqshekk popolari bħalissa.”
Justin kellimna u qalilna minn fejn nibtet din il-passjoni li għandu għall-kċina.
Huwa stqarr: “Minn età żgħira zijuwi kien ħadni fuq il-post tax-xogħol tiegħu fil-kċina. Kien tappasjonani l-mod kif kienu qed isajru u l-mod kif jitfgħu l-affarijiet fuq il-platt u għalhekk iddeċidejt li nidħol l-ITS biex nagħmel l-eżamijiet u minn hemm komplejt navvanza għad-diploma, ġibtha u sibt xogħol hawn Malta wara li għamilt esperjenza barra fil-kċina u minn dakinhar ‘l hawn qatt ma bdiltu dan ix-xogħol.”
Justin kompla jispjegalna dwar uħud mill-platti eżotiċi li n-nies għandhom l-opportunità jarawh isajjar f’din il-kċina miftuħa.
Huwa tenna: “Dawn il-platti huma platti eżotiċi pereżempju nagħmlu l-kukkudrill fil-weraq tal-banana li ftit issibu min jagħmlu hekk, apparti minn hekk fir-ristorant tagħna nagħmlu l-ostrich, nagħmlu l-wild boar – il-fillet tiegħu – nagħmlu ż-żebra. Dan apparti l-fillets tal-kangaroo wkoll li nawruhom fis-sauce apparti fuq il-grillja biex inġibuhom aktar tender. Bħala kottura differenti u trid toqgħod ħafna attent magħhom. Huma veru fini, malajr jaqbiżlek.”
Min-naħa tagħha, Janica Schembri l-maniġer tal-istabbiliment f’Bormla, spjegat li r-ristorant qed jagħmel ħiltu sabiex jiżgura li l-klijenti jħossuhom siguri huma u jieklu b’mod speċjali f’dan iż-żmien ta’ festi.
Hija qaltilna: “Nemmen li din is-sena hawn ċertu inċertezza fejn jidħlu n-nies, forsi n-nies qed iħallu kemxejn għall-aħħar biex jibbukkjaw. Aħna min-naħa tagħna l-unika ħaġa li nistgħu nagħmlu huwa li nagħtu l-messaġġ li aħna ‘we are safe’. Prattikament inżommu prekawzjonijiet kollha meħtieġa, inżommu l-metri, disinfectant, temperaturi u dawk il-protokolli kollha li kull ristorant għandu jkollu waqt dawn iż-żminijiet ta’ festi.”