Fuq Facebook, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kiteb li ħerqan għal opportunita li se jiddefendi l-integrità tiegħu, fid-dawl li l-inkjesta Maġisterjali tal-Vitals tista’ twassal biex jissejjaħ quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.
Huwa qal li sal-lum għadu ma jafx x’fiha l-inkjesta u x’konklużjonijiet waslet għalihom, iżda dan bl-ebda mod mhu jinkwetah, anzi bil-kontra, għax dejjem mexa b’mod korrett u skont il-liġi.
Fakkar kif ftit taż-żmien ilu b’rabta ma’ dan il-każ saru allegazzjonijiet serji, imma anonimi, fuq l-operat tal-Ministeru tiegħu. Kien hu stess li mar għand il-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestigah u offra l-kooperazzjoni sħiħa tiegħu.
Hawnhekk qal kif ir-risposta tal-Kummissarju kienet li l-każ ġie investigat fid-dettall u m’hemm ebda bażi biex tittieħed xi azzjoni kriminali.
Chris Fearne qal li m’għandux dubju li l-istess se jirriżulta fi tmiem dan il-proċess.
F’dikjarazzjoni skjetta, kiteb li mhux kull inizjattiva jew proġett li nieda bħala Ministru dejjem irnexxa f’kull aspett, iżda qal li dejjem aġixxa fl-interess tal-pazjent u tal-pajjiż, u assolutament qatt ma xiref lejn ksur ta’ liġi jew ta’ etika ministerjali.
“Għalhekk niddikjara li m’għandi assolutament ebda dubju li l-Qorti mhu se ssib xejn ħlief l-innoċenza intiera tiegħi. Nagħmilha ċara li qed nitkellem dwari u dwari biss. Bħala Ministru u ċittadin ta’ pajjiż demokratiku u Ewropew nibqa’ nemmen bis-sħiħ li l-ġustizzja m’għandha tħares lejn wiċċ ħadd u tidher li qed tagħmel hekk”, temm jgħid id-Deputat Prim Ministru.