Il-Professur Alan Deidun, espert ambjentali, li f’isem l-għaqdiet ipoġġi fuq il-bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi għamilha ċara li fid-deċiżjonijiet li jieħu jkun qed jirrappreżenta lill-għaqdiet li magħhom jitkellem kontinwament. Il-Professur Deidun kien qed jirreaġixxi għall-kummenti f’Dissett tal-opinjonista, Simon Mercieca, li prova jitfa’ dubji kemm fid-deċiżjoni tiegħu favur l-impjant tal-gass f’Novembru li għadda Deidun kien qed jirrappreżenta l-għaqdiet ambjentali. Deidun u Mercieca it-tnejn jgħallmu l-Università u fuq Facebook Deidun kiteb: “B’kollegi bħal dawn min irid għeddewa?”
“Ladarba int allegajt li jien ma nikkonsultax regolarment mal-eNGOs nissuġġerilek titkellem magħhom meta jkollok il-ħin biex tisma’ l-ħsibijiet tagħhom dwar jekk nikkonsultax jew le. Ma kemm minn dawn l-NGOs għandek kuntatt jekk nista’ nistaqsi?” kiteb Deidun li deher urtat mhux ħażin b’dak li qal Mercieca.
Saħansitra Deidun qal li jiskanta kemm Mercieca sar imħasseb dwar l-ambjent meta rari għamel xi kontribuzzjoni favur l-ambjent fl-aħħar 20 sena. Żied li huwa faċli li wieħed jallega dwar professjonisti meta dawn ma jkunux preżenti biex iwieġbu.
Lil Simon Mercieca Deidun żied jgħidlu: “Ħadd ma jiġbidli l-ispag u nieħu d-deċiżjonijiet fuq il-fatti u mhux fuqiex jgħiduli xi sidien politiċi… dan kollu għandu jkun ovvju għal akkademiku bħalek, le?”
Lil Mercieca Deidun qallu li seta’ jaqbdu fuq is-sistema interna tal-Università, għax kollega hekk għandu jagħmel.
Deidun, eks kandidat għall-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista, kien fil-mira ta’ esponenti viċin il-Partit Nazzjonalista wara li vvota favur l-impjant tal-gass flimkien ma’ esperti oħra bħar-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella.
F’kummenti ma’ The Malta Independent, Alan Deidun kien qal li bl-impjant tal-gass se jispiċċaw 3,000 tunnellata ta’ skart perikoluż li ssoltu jinġabar u jkun esportat.
Filwaqt li meta mistoqsi dwar tniġġis fil-baħar qal li saru argumenti esaġerati minn nies li mhumiex esperti. Qal li ż-żona hija diġà milquta u li hemm ħafna affarijiet x’wieħed iżomm f’perspettiva. Iż-żona tħarbtet bix-xogħol li sar fuq l-ewwel power station ta’ Dellimara u l-impatt ma jistax ikun agħar.
Qal li daħal għal-laqgħa tat-Tnejn b’moħħ miftuħ u ried ikun ċert li kollox qed ikun ikkunsidrat.
Żied li mill-preżentazzjonijiet li saru, jirriżulta li r-riskji kienu kkunsidrati. Alan Deidun qal li r-riskji li jista’ jkun hemm huma aċċettabbli u b’referenza lejn l-argumenti tal-Inġinier Arthur Ciantar u l-President tal-Eżekuttiv tal-PN Ann Fenech, Deidun qal li fil-laqgħa dawn ir-riskji kienu miżinterpretati.Fuq kollox Deidun kellu dikjarazzjoni ċara.
“Iktar ma naħseb dwar id-deċiżjoni tiegħu iktar jien konvint li għamilt id-deċiżjoni t-tajba,” qal l-eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.