Il-Professur Alan Deidun, membru li jirrappreżenta l-għaqdiet ambjentali fuq il-bord tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi, iddikjara li l-vot tiegħu favur il-permessi għall-impjant tal-gass kien imnebbaħ mill-impatt pożittiv li se jkun hemm fuq il-kwalità tal-arja.
F’kummenti ma’ The Malta Independent, Alan Deidun qal li se jispiċċaw tliet elef tunnellata ta’ skart perikoluż li s-soltu jinġabar u jkun esportat.
Filwaqt li meta mistoqsi dwar tniġġiż fil-baħar qal li saru argumenti essaġerati minn nies li mhumiex esperti. Qal li ż-żona hija diġa’ milquta u li hemm ħafna affarijiet x’wieħed iżomm f’perspettiva. Għax iż-żona tħarbtet bix-xogħol li sar fuq l-ewwel power station ta’ Dellimara u l-impatt ma jistax ikun agħar.
Qal li daħal għal-laqgħa tat-Tnejn b’moħħ miftuħ u ried ikun ċert li kollox qed ikun ikkunsidrat.
Qal li mill-preżentazzjonijiet li saru jirriżulta li r-riskji kienu kkunsidrati. Alan Deidun qal li r-riskji li jista’ jkun huma aċċettabbli u b’referenza lejn l-argumenti tal-Inġnier Arthur Ciantar u l-President tal-Eżekuttiv tal-PN Ann Fenech, Deidun qal li fil-laqgħa dawn ir-riskji kienu miżinterpretati.
Fuq kollox Deidun kellu dikjarazzjoni ċara.
“Iktar ma naħseb dwar id-deċiżjoni tiegħu iktar jien konvint li għamilt id-deċiżjoni t-tajba,” qal l-eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.