Wara li għal snin twal tħalla fi stat ta’ abbandun, Ġnien l-Għarusa tal-Mosta ingħata dehra friska u ġdida hekk kif għadda minn proġett ta’ riġenerazzjoni b’investiment ta’ nofs miljun ewro.
F’ċerimonja ta’ inawgurazzjoni li għalih attenda l-Prim Ministru Joseph Muscat, intqal kif grazzi għax xogħol ta’ Ambjent Malta dan il-ġnien irritorna għal glorja tiegħu.
Xogħol li nkluda titjib tal-mgħodijiet u l-passaġġi u lqugħ għas-sigurtá f’partijiet differenti tal-ġnien bil-għan li jonqos il-periklu għal min jiffrenkwenta dan il-ġnien bit-tfal.
Il-Ministru Herrera spjega wkoll kif f’dan il-ġnien tħawwlu madwar 2500 siġra u arbuxella, sabiex b’hekk f’għaxar t’ijiem f’pajjiżna sar investiment fit-tħawwil ta’ ‘l fuq minn mitt elf siġra.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq kif dan il-proġett bħala parti minn kullana ta’ proġetti huwa xhieda ta’ Gvern impenjat li jtejjeb il-kwalitá tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
Filwaqt li faħħar ix-xogħol stupend tal-ħaddiema fi ħdan Ambjent Malta huwa sostna li issa huwa importanti ħafna li dawn il-proġetti jiġu apprezzati u jinżamm fi stat tajjeb minn min jiffrekwentahom u jużahom.