L-Għaqda Regatta Nazzjonali ngħatat dehra ġdida, inkluż b’logo ġdid, lejliet ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien ta’ nhar it-Tnejn li ġej.
Il-President tal-għaqda, Franco Scicluna, qal li tul dawn l-aħħar snin ir-regatta ġiet segwita minn 30,000 sett ta’ televiżjoni u dan kien riżultat inkoraġġanti ħafna.
Għar-Regatta tal-Ħelsien, hu ħabbar li se tkun qiegħda terġa’ tidħol fis-seħħ is-sistema tal-arblu tas-sinjali kif kien isir fl-antik, waqt li f’dik ta’ Settembru li ġej se jsir avveniment kbir fuq il-moll biex il-klabbs jippreżentaw il-qaddiefa tagħhom.
Scicluna rringrazzja lill-Ministru responsabbli mill-isports, Clifton Grima, l-entità SportsMalta u l-Valletta Waterfront għas-sostenn kontinwu tagħhom.
Il-Ministru Grima, li kien preżenti għat-tnedija, qal li dan ir-rebranding tal-għaqda nazzjonali juri li distretti u għaqda nazzjonali li huma ħajjin u li qed jaddattaw maż-żminijiet biex jilħqu iżjed udjenzi, saħansitra minn barra minn xtutna.
Dr Grima rringrazzja lil dawk l-entitajiet u individwi kollha li huma involuti.