F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Belt tnediet l-14-il edizzjoni tan-Notte Bianca li se ssir fl-ewwel Sibt ta’ Ottubru.
Edizzjoni bit-tema “Fejn l-arti tagħti ħajja lill-Belt” u li ser tkun pijuniera għall-edizzjonijiet tas-snin li ġejjin hekk kif għall-ewwel darba ser tkun taħt id-direzzjoni tad-direttur artistiku Antoine Farrugia.
Ma’ ONE NEWS, Farrugia spjega li l-edizzjoni ta’ din is-sena, ser tloffri esperjenza unika li tgħaqqad il-komunità, l-artisti u l-udjenza.
Irrimarka li l-edizzjoni ta’ din is-sena se tinkludi s-sehem ta’ madwar 200 artist f’50 avveniment differenti madwar it-toroq tal-Belt Valletta.
Spjega aspett uniku tan-Notte Bianca 2019 li ser jgħin iktar lil dawk li jattendu jippjanaw bil-quddiem l-avvenimenti li ser jattendu għalihom.
Id-Direttur Artistku tan-Notte Bianca 2019, Antoine Farrugia stqarr li “Ħsibna biex il-viżitatur ikollu strateġija minn qabel fejn jagħżel fejn jixtieq imur mingħajr ma jitlef ħin biex imbgħad wara forsi jkompli jgawdi mal-familja tiegħu f’affarijiet oħra. Se nagħmlu rotot varji fosthom ir-rotot tat-tfal, rotot tal-mużika, rotot tal-klassiku, tat-teatru, taż-żfin u r-rotta l-ħamra li hija rotta għall-udjenza aktar matura”.
Qal li għall-ewwel darba ser jinfetħu wkoll il-bibien tal-Qorti.
Farrugia sostna li “Din id-darba wkoll wara proċess twil u hekk għandu jkun għax il-bini tal-Qorti huwa nightmare fejn tidħol loġistika. Wara proċess twil imsomma mal-amministrazzjoni u hawnekk nirringrazzja lill-Prim Imħallef u l-kollegi tiegħu, wasalna biex norganizzaw xi ħaġa propjament ġol-Awla fejn isiru l-ġurijiet”.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef spjega kif fost oħrajn l-Aġenzija qed tikkollabora ma’ Festivals Malta sabiex ittella’ ‘Orkestra fil-Miftuħ’, bil-parteċipazzjoni tal-Malta Youth Orchestra, it-tenur Cliff Zammit Stevens, il-mezzo sopran Clare Ghigo u l-kantanta Jasmine Abela.
Is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit faħħar il-ħidma tal-entitajiet kollha konċernati għal din id-dehra friska f’dan l-avveniment tant għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin u appellla lill-pubbliku biex jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonniċi għamel referenza għall-investiment dirett kontinwu fis-settur kulturali, li qiegħed ikompli jivżiluppa din il-pjattaforma b’mod li ssir aktar aċċessibbli għall-artisti u s-soċjetà tagħna.