Ilbieraħ saret l-aħħar ġurnata ta’ logħob tal-kampjonat tad-dinja tal-Blackball li kienu qed isiru f’Malta. Kien hemm erba’ timijiet li għaddew għall-finali u kisbu l-midalja tal-fidda fil-kategorija rispettiva tagħhom.
Fil-finali tal-kategorija individwali tal-irġiel, il-Malti, Lydan Debono għeleb lil Dean Shields tal-Ingilterra 10-5 sabiex sar champion tad-dinja.
It-tim tal-irġiel spiċċa fit-tieni post wara li tilef il-finali kontra l-Iskozja 13-7. Aktar qabel, it-tim ta’ Clevion Micallef kellu wirjiet kbar fejn rebaħ il-konfronti kontra Mauritius 17-8, l-Irlanda ta’ Fuq 13-9 u s-semifinali kontra l-Ingilterra 13-10.
Is-Seniors waslu wkoll fil-finali wara li għelbu lill-Katalunja 13-10 għalkemm fil-finali kienu sfortunati li tilfu kontra l-Ingilterra 13-12 f’logħba ferm emozzjonanti.
Tim ieħor li kiseb il-midalja tal-fidda kien dak ta’ taħt it-23 sena li tilef fil-finali kontra Wales 13-10. Aktar qabel hu elimina lill-Ingilterra 13-12.
Il-Masters kienu finalisti wkoll għalkemm tilfu kontra l-Ingliżi 13-6. aktar qabel il-Maltin kellhom rebħiet ta’ 13-7 kontra l-Iskozja u 13-12 kontra l-Irlanda.
It-tim ta’ taħt it-18-il sena temm l-impenji tiegħu f’din il-kompetizzjoni b’rebħa ta’ 13-11 kontra l-Irlanda u telfa ta’ 13-9 kontra l-Ingilterra.
Finalment it-tim ta’ taħt il-15-il sena rebaħ lill-Awstralja 8-6 iżda tilef kontra l-Ingilterra 8-2.
Fl-aħħar tas-serata saret iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni bil-pajjiżi parteċipanti li faħħru l-organizzazzjoni impekkabbli li kien hemm.